Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Adrian Delia bi stedina għall-Prim Ministru   |  Arrestati aktar uffiċjali Katalani   |  "Is-siġġu tan-nies" - Ivan Bartolo; Cordina se jibqa’; Marlene qed tagħmel suwiċidju - Briguglio   |  Puli ma jgħidx hux lest li jċedi s-siġġu; pressjoni fuq Schiavone   |  L-Arċisqof iħeġġeġ lill-għalliema biex ikollhom stil san ta’ ħajja

Simon Busuttil jippreżenta l-‘provi’ lill-Maġistrat; Imħasseb mill-kollaborazzjoni tal-Pulizija

Alvin  Vassallo  -  18/05/17 02:40 PM

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li m’għandux rasu mistrieħa mill-inkjesta maġisterjali dwar iċ-Chief of Staff  tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Wara li preżenta rikors quddiem il-Maġistrat Aaron Buġeja, Dr Busuttil spjega li hu m’għandu l-ebda dubju mill-ħidma u l-integrità tal-Maġistrati Aaron Bugeja u Natasha Galea Sciberras.

Stqarr li madankollu l-Maġistrati jiddependu mill-kollaborazzjoni tal-Pulizija. Esprima t-tħassib tiegħu għax il-Pulizija kienu ilhom sena jafu bil-każ u qatt m’għamlu xejn. Fi kliemu, il-Pulizija m’għandhom l-ebda interess li joħroġ ir-riżultat u li toħroġ il-verità.

Ilbieraħ Dr Busuttil ħabbar li waslitlu informazzjoni u provi ġodda dwar kriminalità li fiha hemm involut Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. 

Il-Maġistrat Aaron Bugeja qiegħed jinvestiga l-każ marbut mal-allegazzjoni li t-tielet kumpanija fil-Panama Egrant hija ta’ mart il-Prim Ministru Michelle Muscat. Kien il-Prim Ministru nnifsu li talab biex issir inkjesta wara li hu u martu ċaħdu l-allegazzjoni.

Dwar il-provi mressqa minn Dr Busuttil, dwar allegat tixħim u ħasil ta’ flus minn Keith Schembri, il-Maġistrat Buġeja kien għadda l-każ għand Maġistrat ieħor u nħatret l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

Mistoqsi għaliex għażel li jmur bil-provi għand il-Maġistrat Buġeja u mhux għand il-Maġistrat Galea Sciberras, Dr Busuttil qal li mar għandu għax m’għandux għand min imur u għax l-ewwel darba kien mar għandu bil-provi.

Spjega li issa jiddependi mill-Maġistrat Bugeja jekk jgħaddix il-provi għand il-Maġistrat Galea Sciberras jew għand Maġistrat ieħor.

Huwa reġa’ saħaq li m’għandux fiduċja fil-Korp tal-Pulizija u li l-Korp tal-Pulizija u l-Awditur Ġenerali baqgħu m’għamlu xejn minkejja li kienu ilhom jafu bl-allegazzjonijiet.

Tenna li kif żviluppaw l-affarijiet, m’għadhiex kwistjoni li jirriżenjaw il-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu. Saħaq li issa huwa f’idejn il-poplu li jagħti l-ġudizzju tiegħu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.