Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"Il-PN jirbaħ żewġ ilmenti kontra l-istazzjon nazzjonali" - PN; il-PBS iwieġeb

19/05/17 05:35 PM

F’żewġ deċiżjonijiet separati, l-Awtorità tax-Xandir tat raġun lill-Partit Nazzjonalista li fl-ilmenti tiegħu, irrefera għal żewġ każijiet fil-bullettin tal-aħbarijiet tal-PBS.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li dan juri li kien hemm provi ċari ta’ nuqqas ta’ ġudizzju tajjeb dwar x’jikkostitwixxi valur ta’ aħbar, kif ukoll attentat ta’ tibdil fid-diskors tal-Kap tal-PN Simon Busuttil. 

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-ewwel każ kien dwar in-nuqqas ta’ rappurtaġġ tax-xhieda li tat fil-Qorti l-whistleblower tal-kumpanija Egrant, fil-każ li għandha kontra l-Bank Pilatus.

Żied jispjega li fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tax-Xandir xejnet id-difiża tal-PBS, u qalet li “l-mument li l-persuna inkwistjoni għażlet li tkun whistleblower fil-każ dwar il-kumpanija Egrant, din daħlet fil-kontroversja politika u sa ċertu punt irrinunzjat għall-ħajja privata u saret suġġett ta’ interess pubbliku”.

It-tieni każ kien dwar ir-rappurtaġġ tad-dibattitu bejn il-mexxejja politiċi fl-Università nhar l-Erbgħa li għadda.

Il-PN qal li l-PBS ikkwota lill-Prim Ministru meta poġġa kliem f’ħalq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Irrimarka li l-Awtorità tax-Xandir laqgħet l-ilment tiegħu u “saħqet mill-ġdid fuq l-importanza li r-rapporti ikunu preċiżi u korretti għall-benefiċċju tas-semmiegħa u t-telespettaturi.”

Il-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat mid-Direttur Informazzjoni Matthew Bonett.

"Il-PN għamel 6 ilmenti, erba' minnhom ma ntlaqgħux mill-BA" - PBS

Il-PBS wieġeb bi stqarrija fejn irrimarka li mindu bdiet il-kampanja elettorali, il-PN għamel sitt ilmenti, li erbgħa minnhom ma ġewx milqugħa mill-Awtorità tax-Xandir. Żied jgħid li fiż-żewġ ilmenti milqugħa, l-Awtorità ma sabet l-ebda żbilanċ u ma tat l-ebda rimedju.

Tista’ taqra d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir hawn taħt.