Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Joseph Muscat jispjega l-proposti tal-PL għall-biedja u s-sajd   |  "Il-Forza Nazzjonali ikbar mill-kampanja elettorali" - Simon Busuttil

Filmat: “Il-manifest hu t-triq għall-ħolma Maltija” – Joseph Muscat

19/05/17 08:15 PM

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-manifest elettorali huwa t-triq għall-ħolma Maltija li bdiet tinbena erba’ snin ilu. Huwa qal dan waqt li kien qed jindirizza l-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista li matulha ġie approvat b’mod unanimu l-manifest elettorali li fih b’kollox 706 proposta.

Meta għalaq il-konferenza ġenerali li saret f’San Ġiljan, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista qal li huwa kburi li mexxa l-iktar gvern Malti li qatt ġab xogħol ta’ kull żmien, u l-iktar wieħed li qatt ħoloq impjiegi lin-nisa u lill-persuni b’diżabiltà.

Semma kif dan il-manifest elettorali huwa superjuri għal dak tal-aħħar leġislatura u mhuwiex xogħol li sar fi tliet ġimgħat, iżda xogħol li beda erba’ snin ilu. Joseph Muscat qal li l-manifest żied l-aspett tal-esperjenza fit-tmexxija tal-gvern fejn se jiffoka fuq il-mobiltà soċjali, l-għaqda, ugwaljanza u ġustizzja soċjali.

Qal li l-infrastruttura tal-pajjiż mhijiex biżżejjed biex tiflaħ għall-qabża li trid tagħmel Malta fis-snin li ġejjin, u għalhekk il-manifest jelenka diversi miżuri dwar toroq, trasport pubbliku u link permanenti bejn Malta u Għawdex. Spjega li iktar importanti mis-surplus ekonomiku, għalih personali huwa l-fatt li l-faqar fil-pajjiż naqas bin-nofs.

Joseph Muscat kompla jgħid li llum dan il-pajjiż jirrikonoxxi u jagħti opportunità lil kulħadd, fosthom iż-żgħażagħ li qal huma r-raġuni għaliex dan il-moviment jibqa’ dejjem relevanti. Ammetta li kien hemm oqsma fejn seta’ jagħmel l-affarijiet aħjar bħala Prim Ministru fejn irrefera għall-governanza.

Issokta li se jkun hawn reżistenza għall-introduzzjoni ta’ xi proposti għax se jkun hawn elementi konservattivi li se jopponu dawn il-bidliet. Spjega li jekk il-Partit Laburista jingħata mill-ġdid il-fiduċja tal-poplu, bħala Prim Ministru se jżomm huwa stess ir-responsabiltà diretta li jitwettqu l-proposti elettorali kollha. Qal li dan se jsir bl-għajnuna ta’ Louis Grech li qal se jżommu bħala konsulent tiegħu wara li aċċetta din il-kariga.

Il-Mexxej Laburista stqarr li din l-elezzjoni ġiet ikkawżata minn gidba u jħossu mweġġa’ flimkien ma familtu.

Fl-isess ħin sostna li l-ebda forza politika oħra fil-pajjiż ma tista’ tagħmel il-qabża liberali li jista’ joffri l-PL. 

Ritratti: Leon Xuereb