Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: "Joseph Muscat irid jieħu azzjoni kontra min kixef lill-kriminal" - Simon Busuttil

Alvin  Vassallo  -  19/05/17 07:15 PM



Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li daħlitlu informazzjoni li l-Prim Ministru Joseph Muscat minflok ħa azzjoni biex ineħħi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, ħa passi biex jittieħdu miżuri kontra minn kixef lill-kriminal. 

F’attività politika taħt it-tinda fl-Imġarr, Dr Busuttil qal li l-Pulizija rċeviet kwerela kontra min tah id-dokumenti, li juru li Keith Schembri kien involut f’ħasil ta’ flus.

Fl-isfond ta’ dan huwa saħaq li jekk Dr Muscat se jipprova jbeżża’ lil min tah l-informazzjoni mhux se jbeżża’ lilu u mhux se jagħlaqlu ħalqu.

Huwa kien qed jitkellem fl-isfond tat-tmien fajls li ppreżenta lill-Maġistrat Aaron Bugeja bl-allegazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ €650,000, minn Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru għal Adrian Hillman, l-Eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers. Kemm Schembri kif ukoll Hillman, qed jiċħdu l-allegazzjonijiet.

“Il-kritika tal-PL hija redikola”

Simon Busuttil qal li l-kritika tal-Partit Laburista, li l-fajls li ressaq quddiem il-Maġistrat huma vojta, hija redikola.

Huwa qal li wara li ħareġ mill-Qorti, ta idea ta’ x’inhi l-evidenza. Spjega li Adrian Hillman u Keith Schembri kienu ġġustifikaw it-trasferiment ta’ €650,000 bħala servizzi editorjali.  Filwaqt li staqsa x’servizzi editorjali huma, qal li issa l-poplu jaf li provaw jixtru lil xulxin.  Spjega wkoll li huwa pprovda l-evidenza li turi li numru kbir ta’ tranżazzjonijiet li saru ġew minn banek u kumpaniji f’Malta, uħud minnhom strutturi offshore.

“Keith Schembri u Joseph Muscat huma ħaġa waħda flimkien”

Simon Busuttil kompla d-diskors tiegħu billi saħaq li dan l-iskandlu laqat lill-aktar persuna qrib il-Prim Ministru u għalhekk Dr Muscat ma jistax ineħħih għax huma ħaġa waħda.

Tenna li huwa jemmen li jekk jirċievi informazzjoni kruċjali li turi provi ta’ korruzzjoni għandu jressaqhom biex jiġu investigati, anke waqt il-kampanja elettorali.

“Mar-radd tas-salib Joseph Muscat beda jiggverna b’korruzzjoni”

Dr Busuttil kompla jgħid li mar-radd tas-salib Dr Muscat beda jiggverna b’korruzzjoni. Qal li mal-ewwel ġurnata żamm il-karozza tiegħu u beda jitħallas kuljum għalija.

Huwa elenka diversi każijiet ta’ korruzzjoni tal-Gvern fosthom il-każ ta’ Gaffarena u Premier, il-bejgħ tal-isptarijiet u l-Enemalta u l-każ ta’ Panama.

“Mhux minnu tressqet kwerela kontra minn għadda l-informazzjoni” –PL

F’reazzjoni l-Partit Laburista qal li Simon Busuttil qed ikompli jigdeb dwar il-proċeduri li għaddejjin fl-inkjesti quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja u Natasha Galea Sciberras.

Fi stqarrija sostna li mhux minnu li l-Prim Ministru jew Keith Schembri ppreżentaw xi kwerela kontra minn għadda l-informazzjoni.

Saħaq li Simon Busuttil tant jinsab dahru mal-ħajt u huwa mbeżża’ għalkollox mill-eżitu tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant, li wara li l-ewwel ipprova jtawwal iż-żmien, issa qiegħed jirrikorri għal gideb sfaċċat.