Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Joseph Muscat jispjega l-proposti tal-PL għall-biedja u s-sajd   |  "Il-Forza Nazzjonali ikbar mill-kampanja elettorali" - Simon Busuttil

Fejn se jivvutaw pazjenti fl-isptarijiet?

Alvin  Vassallo  -  20/05/17 12:42 AM

Il-Kummissjoni Elettorali qed tavża bl-arranġamenti biex pazjenti fl-isptarijiet jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.

Pazjenti rikoverati sa 6pm ta’ nhar it-Tnejn, 29 ta’ Mejju

Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li l-pazjenti rikoverati fl-isptarijiet ta’ Mater Dei u ta’ Monte Carmeli, fl-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karen Grech, u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sas-6pm ta’ nhar it-Tnejn, 29 ta’ Mejju se jivvutaw fl-isptarijiet imsemmija u mhux kif indikat fuq id-dokument tal-vot

Il-votazzjoni se ssir il-Ħamis, 1 ta’ Ġunju bejn is-7am u l-10pm.

Pazjenti rikoverati wara 6pm ta’ nhar it-Tnejn, 29 ta’ Mejju

Il-pazjenti rikoverati fl-istess sptarijiet imsemmija wara 6pm ta’ nhar it-Tnejn, 29 ta’ Mejju  se jivvutaw nhar l-elezzjoni kif indikat fuq id-dokument għall-vot tagħhom.

Residenti ta’ swali għall-anzjani fi Sptar Monte Carmeli u f’Residenza Sir Paul Boffa

Residenti fl-Isptar Monte Carmeli u fir-Residenza Sir Paul Boffa

sas-6pm ta’ nhar l-20 ta’ Mejju għalkemm id-dokument għall-votazzjoni tagħhom juri mod ieħor, se jivvutaw fir-residenzi msemmija. 

Il-votazzjoni f’dawn ir-residenzi se ssir nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju bejn is-7am u l-10pm.

Residentl li jkunu daħlu wara d-data msemmija se jivvotaw kif indikat rispettivament fuq id-dokument għall-vot tagħhom.

Tabib se jindika pazjent jistax joħroġ jivvuta

Il-Kummissjoni spjegat li t-tabib inkarigat mill-kura tal-pazjent se jindika jekk jistax joħroġ mis-sala biex jivvota u b’liema mezz ta’ trasport.

Qalet li l-pazjenti se jkollhom l-għażla li jinqdew bis-servizzi li se joffri d-Dipartiment biex ikunu akkumpanjati sal-post tal-votazzjoni fl-isptar stess u lura, jew inkella jagħmlu arranġamenti biex ikunu akkumpanjati lejn u lura, minn persuna oħra identifikata minnhom minn qabel.

Żiedet tgħid li f’kull sptar, fejn il-qraba se jwasslu lill-pazjenti huma stess bi trasport privat, ikun meħtieġ li jitolbu permess bil-miktub minn qabel lill-amministratur tal-isptar.

Servizzi tas-saħħa u ħinijiet tal-viżitaturi f’jum il-votazzjoni

Il-Kummissjoni Elettorali tavża wkoll li fil-jum tal-votazzjoni s-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet, fl-out-patients, fl-ispiżeriji, u fiċ-ċentri tas-saħħa se jkomplu għaddejjin bħas-soltu.

Is-Sibt 27 ta’ Mejju se jkun għaddej il-proċess tal-votazzjoni fir-residenzi għall-anzjani fi Sptar Monte Carmeli u f’Residenza Sir Paul Boffa. Għaldaqstant il-viżitaturi mhumiex permessi li jidħlu f’dawn il-postijiet.

Minħabba li l-Ħamis, 1 ta’ Ġunju se jkun għaddej il-proċess tal-votazzjoni fl-isptarijiet, il-ħinijiet tal-viżitaturi se jkunu ristretti kif imsemmi:

  •  Fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karen Grech, fl-Isptar Monte Carmeli, u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-ħin tal-viżitaturi se jkun ristrett għal siegħa bejn is-7pm u t-8pm. 
  • Is-Sibt 3 ta’ Ġunju, il-ħin tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei se jkun ristrett għal siegħa bejn is-7pm u t-8pm.
  • F’ċirkustanzi speċjali fejn il-pazjenti huma f’kundizzjoni kritika għandhom jinħarġu permessi bil-quddiem mis-Sottokumitat Elettorali fuq il-parir tal-koordinatur amministrattiv tal-isptar.