Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

Il-Knisja m’għandhiex x’taqsam ma’ reklam tal-MCUF

Charmaine  Attard   -  23/05/17 10:16 AM

L-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet ma’ Newsbook.com.mt li m’għandhiex x’taqsam ma’ kull tip ta’ propoganda li ssir taħt l-isem Maltese Catholics United for the Faith (MCUF).

Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Kurja biex jara jekk l-Arċidjoċesi ta’ Malta, għandhiex x’taqsam ma’ reklam ta’ paġna sħiħa li deher f’xi gazzetti Maltin f’dawn il-ġranet.

Ir-reklam taħt il-firma tal-grupp Maltese Catholics United for the Faith isejjaħ il-pożizzjoni tal-partiti politiċi dwar iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess bħala ‘glorifikazzjoni tad-dnub.’

Il-grupp jiddeskrivi lill-politiċi bħala korrotti u jgħid li l-Maltin għandhom ikunu lesti li ma jivvutawx biex – fi kliem Maltese Catholics United for the Faith – ma jikkompromettux ‘il-fidi tagħhom fuq l-artal ta’ sistema politika mxajtna.’

Il-Kurja, wara li qalet li m’għandhiex x’taqsam mar-reklam, żiedet tgħid li tirrispetta d-dritt tal-libertà tal-espressjoni ta’ kull individwu jew entità oħra.

B’differenza minn dan il-grupp, ‘l-Arċidjoċesi ta’ Malta twassal it-tagħlim tal-Knisja mingħajr ma tuża ebda isem ieħor, u tħeġġeġ lil kulħadd biex fit-3 ta’ Ġunju li ġej jaqdi dmiru b’responsabbiltà, kif qalu l-Isqfijiet ta’ Malta u Ghawdex fl-Ittra Pastorali għall-Elezzjoni Ġenerali 2017.’

Mhux magħruf min huma dawk wara r-riklam li qed jidher. Mhux magħruf l-anqas jekk dawn humiex parti mill-grupp konservattiv Amerikan li jġib l-istess isem.