Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Malta mhux qed timxi mal-liġi tal-UE dwar l-insib" - AĠ tal-Qorti Ewropea   |  Il-Qorti tilqa’ t-talba ta’ Busuttil biex tinvestiga lil Schembri u Mizzi; il-PM: “Busuttil b’interpretazzjoni ħażina”   |  Tarbija bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn karozza u tal-linja   |  Il-Papa jikteb lil soru li għenet għadd ta' nisa joħorġu mill-prostituzzjoni

Il-Papa bl-ewwel vidjomessaġġ lill-Maltin nhar il-Ħadd

Yendrick  Cioffi  -  15/06/17 03:27 PM

Fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni u t-tberik tal-Mużajk fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu, il-Papa Franġisku se jkun qed jibgħat l-ewwel vidjomessaġġ għall-Maltin u l-Għawdxin.

Il-mużajk jirrapreżenta l-Għoxrin Misteru tar-Rużarju Mqaddes u nħadem miċ-Ċentru Aletti ta’ Ruma.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-inawgurazzjoni se tkun mifruxa fuq jumejn. Nhar is-Sibt li ġej se ssir festa għall-familji kollha. Din se tkun tinkludi kunċert internazzjonali ta’ Mużika Nisranija li fih se jieħdu sehem diversi artisti Taljani u l-kantant Malti Ivan Grech.

L-Għada, l-Ħadd fis-7:30pm, se ssir ċelebrazzjoni liturġika li se tkun immexxija mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Vigarju Appostoliku ta’ Tripli u Amministratur Appostoliku ta’ Benghazi l-Isqof George Bugeja.

Matul din iċ-ċelebrazzjoni se jitbierek il-mużajk u se jintwera l-vidjomessaġġ tal-Papa Franġisku. Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni se titqassam kuruna tar-Rużarju għal dawk preżenti.  

Preżenti se jkun hemm ukoll il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.

“Il-proġett tal-mużajk jirnexxi, jekk waqt li napprezzawh, nitħajru nitolbu r-Rużarju” – Mons. Grech

F’ċirkolari, li se tinqara nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qed jistieden lil dawk kollha devoti tal-Madonna ta’ Pinu biex jingħaqdu għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

Monsinjur Grech saħaq li l-proġett tal-mużajċi jkun irnexxa jekk, meta l-pellegrini jieqfu japprezzawhom, tixgħel fihom il-ħajra li jitolbu r-rużarju.

Huwa tkellem dwar l-importanza li l-mużajċi u l-pittura fil-knejjes kellhom fil-passat. Spjega li dawn ma kinux hemm biss biex iżejnu imma kienet mezz kif il-poplu t’Alla, meta ħafna ma kinux jaqraw u jiktbu, jitgħallem fuq il-Kelma ta’ Alla u l-ħajja tal-qaddisin.

Il-kunċert “Il-Mondo Canta Maria”

Il-Kunċert ta’ nhar is-Sibt li ġej se jkun miftuħ b’xejn għall-pubbliku u fih se jieħdu sehem l-aqwa artisti Taljani fix-xena tal-mużika Nisranija.

Dawn jinkludu Tony Nevoso, Fra Leonardo, Padre Giosi Cento, u l-Grupp Nuova Aurora, akkumpanjati mill-kantant Malti Ivan Grech.

Il-kunċert “Il-Mondo Canta Maria” se jkun qed jagħmel it-tielet tappa tiegħu hekk kif qed idur bosta pajjiżi. Din il-wirja mużikali bdiet fis-sena 2000 u kompliet tittella’ f’diversi bliet u Santwarji Marjani fosthom Lourdes, fil-Bażilika ta’ Loreto u oħrajn.

Il-mużajk huwa parti biss minn proġett akbar

L-għan ewlieni tal-mużajċi l-ġodda huwa li z-zuntier ikun estensjoni tas-Santwarju u minn parkeġġ jinbidel ukoll f’post ta’ ġabra u talb.

Ix-xogħol sar miċ-Ċentru Aletti ta’ Ruma, taħt il-gwida tal-artista u teologu Patri Marko Ivan Rupnik SJ.

Dan iċ-ċentru kien infetaħ fuq xewqa tal-Papa San Ġwann Pawlu II biex ikun post ta’ laqgħa u ta’ riflessjoni interkulturali. Dan jgħin fil-missjoni li twettaq il-Kumpanija ta’ Ġesù (Ġiżwiti) fl-Istitut Pontifiċju Orjentali.

Kien Dun Gerard Buhagiar, ir-Rettur tas-Santwarju ta’ Pinu, li ħareġ bl-idea tal-proġett wara li kienet attenda it-II Kungress Dinji tal-Pastorali tas-Santwarji u l-Pellegrini li kien sar fuq talba tal-Papa Benedittu XVI.

Ix-xogħol kien qiegħed isir minn 26 artist internazzjonali, fosthom is-Saċerdot Għawdxi Dun Robert Gauci. Fi kliem Patri Rupnik “dan hu l-ewwel proġett ta’ dan il-kobor b’rappreżentazzjoni sagra tal-Misteri kollha tar-Rużarju.”

Il-proġett tal-mużajk huwa biċċa biss minn proġett ikbar ta’ restawr fuq iz-zuntier kollu. Dan kien jinkludi wkoll paviment ġdid b’disinn tal-mużajk.

Apparti minn hekk ġiet elevata l-pjattaforma quddiem it-taraġ tal-Bażilika biex isservi ta’ artal u tqiegħdu wkoll l-istatwi tal-bronz ta’ Karmni Grima, Franġisk Portelli u Frenċ tal-Għarb.

Hi wkoll xewqa tas-Santwarju li l-proġett ikun ikkumplimentat bil-ftuħ tad-dar tal-irtiri.