Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

“Attakki inġusti kontra l-Arċisqof”

Alvin  Vassallo  -  19/06/17 03:30 PM

Wara li l-Arċisqof Charles Scicluna lbieraħ għal darb’oħra kkritika bla kundizzjoni l-kliem ta’ mibegħda u intimidazzjoni, ġie attakkat minn diversi persuni, fost l-oħrajn minn Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. Min-naħa l-oħra, sorsi qrib il-Knisja f’Malta, u anke l-editorjal ta’ The Malta Independent iddefendew kliem l-Arċisqof.

Għall-mistoqsijiet ta’ The Sunday Times of Malta, dwar il-kummenti tal-Eks Segretarju tal-General Workers’ Union Tony Zarb fuq Facebook, li kiteb li wħud mill-MEPs Maltin qed jittradixxu l-pajjiż u li ħaqqhom laqgħa ta’ tradituri, l-Arċisqof ilbieraħ appella għall-għaqda fost il-poplu u qal li l-poplu Malti kollu kapaċi jiddiskuti b’mod matur u ċivilizzat.

“Kliem ta’ mibegħda ħażin irrispettivament minn fejn ikun ġej”

Ilbieraħ stess fuq twitter, Mons. Scicluna saħaq li dan il-messaġġ kien diġà għaddieh fi żmien il-Milied li għadda, u li se jibqa’ jsostnih fil-futur.  Sostna li d-diskors ta’ mibegħda u intimidazzjoni huwa ħażin, irrispettivament minn fejn u minn min ikun ġej, u x’mottiv ikun hemm warajh.

L-Arċisqof ikkundanna l-mibegħda kemm-il darba

Minbarra bi tweets, kien hemm ċirkostanzi oħra fejn l-Arċisqof tkellem fil-beraħ kontra lingwaġġ li jinstiga mibegħda. Fost l-oħrajn f’intervisti u f’risposti lill-ġurnali u fl-omeliji, fosthom f’Awwissu li għadda. F’Diċembru mbagħad kien ikkundanna bloggs ta’ mibegħda, u stqarr li min juża l-internet biex ixewwex, irid jagħti kont quddiem Alla.

Kien wissa wkoll li min qed juża l-bloggs u l-internet biex ixewwex Malti kontra Malti u jaqla’ l-ħama, qed joħloq ambjent li ma jġibx l-għaqda, paċi u ġustizzja. Kien iddeskriva bħala dnub, meta l-mezzi ta’ komunikazzjoni jsiru mezzi ta’ qerda, ta’ għira u ta’ mibegħda.

 “L-Arċisqof għandu joħroġ kundanna kuljum” – Alfred Grixti

Minkejja l-messaġġi kontinwi u konsistenti tal-Arċisqof, ilbieraħ, Alfred Grixti, kiteb fuq Facebook, li biex l-Arċisqof ikun kredibbli u koerenti, għandu joħroġ kundanna ċara kuljum, kontra min “jobżoq il-ħdura, l-odju u l-velenu kontra kull min mhux nazzjonalist bil-kitba taparsi investigattiva fuq l-internet”. Din mhix l-ewwel darba li Alfred Grixti kiteb kummenti kontroversjali fuq Facebook.

Sorsi qrib il-Knisja f’Malta qalu li dawn l-attakki huma inġusti, għax l-Arċisqof tkellem kemm-il darba kontra diskors ta’ mibegħda.  

Min-naħa tagħha, l-Independent, fl-editorjal qalet li l-messaġġ tal-Arċisqof dwar il-kummenti ta’ Tony Zarb, kienu diretti u apolitiċi.