Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Jinstab raġel mejjet fil-baħar   |  "Diġà hemm ħafna kriminalità: Iżżiduhiex bil-'gentlemen's clubs'"   |  “Il-Knisja Maltija hi importanti għall-Papa” – In-Nunzju Appostoliku   |  Il-Golfo Azzurro ordnat jidħol Tripli b'theddid li jinfetaħ in-nar fuqu

“Ħadd mhu se jitkeċċa mill-Air Malta” – il-PM

Josianne  Camilleri  -  19/06/17 03:00 PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wiegħed illum li l-ħaddiema tal-Air Malta mhux se jitilfu l-impjieg tagħhom bħala parti mill-ftehim biex tkun salvata l-linja tal-ajru nazzjonali.

Meta wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li ħadd mhu se jitkeċċa u l-gvern jinsab f’diskussjonijiet avvanzati ma’ konsorzju dwar il-linja tal-ajru.

Spjega li f’dan l-istadju li hu ċar hu li jridu jittieħdu ċertu deċiżjonijiet.

Faħħar il-ħidma tal-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fil-leġiżlatura li għaddiet u qal li issa jridu jsiru iktar affarijiet skont it-taħdidiet li qed isiru bħalissa.

Ma jaqbilx li l-MEPs li kkritikaw il-Gvern huma tradituri

Il-Prim Ministru qal li ma jaqbilx li l-Ewro-Parlamentari li jikkritikaw il-Gvern huma tradituri imma qal li jemmen li għandhom joqogħdu għall-ġudizzju tal-poplu.

Qal li hu stess ġie akkużat b’ħafna affarijiet u li min ma jiflaħx għall-pressjoni għandu jwarrab.

Ċaħad li wara l-elezzjoni saru xi transfers ta’ nies fiċ-ċivil u qal li min iħoss li kien vittma għandu jirreferi għand l-Ombudsman għall-investigazzjoni.

Ir-regolatur finanzjarju se jissaħħaħ taħt l-OPM

Il-Prim Ministru qal li r-regolatur finanzjarju l-MFSA se jkompli jissaħħaħ taħt is-supervisjoni ta’ segretarju parlamentari fl-Uffiċċju tiegħu.

Dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea b’rabta mas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ Malta, Dr Muscat qal li se jkun qed jiġi analizzat.

Insista li t-tassazjoni hi prerogattiva ta’ kull stat sovran u l-gvern mhux se jħalli li jsir kompromess fil-kompetittività tas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ Malta.

Il-Presidenza ta’ Malta saħħet il-ħiliet u r-riżorsi

Meta indirizza laqgħa tal-MEUSAC, il-kumitat għall-ħidma bejn Malta u l-UE, il-Prim Ministru qal li l-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill Ewropew saħħet il-ħiliet u r-riżorsi fil-pajjiż.

Semma li issa l-pajjiż għandu bibien miftuħa għal istituzzjonijiet li “forsi qabel ma konniex nafu li jeżistu, jew li kienu diffiċli biex jinfetħu.” Irrefera wkoll għall-kuntatti li saru bejn nies differenti u b’hekk tissaħħaħ il-ħidma tagħhom.