Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Appell imqanqal mit-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti

Matthew Borg  -  19/06/17 02:43 PM

It-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti appellat lill-Maltin sabiex ifittxu b’ħeġġa li jifhmu dejjem aħjar il-karba tar-refuġjati u jtejbu r-rispons xieraq tagħhom għall-isfida ta’ solidarjetà umana li tfisser il-vulnerabilità ta’ bnedmin bħal dawn.

Fi stqarrija maħruġa apposta għall-Jum Dinji tar-Refuġjati li jaħbat għada, it-Taqsima talbet ukoll lir-rappreżentanti kollha Maltin fil-fora internazzjonali biex jisħqu b’qawwa u bla heda fuq il-bżonn fundamentali li jiġu trattati kif imiss is-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi ta’ oriġini li jnisslu l-mewġiet ta’ refuġjati u l-migrazzjonijiet.

Kompliet issostni  li dan jitlob, bħala l-ewwel pass, l-impenn tal-komunità internazzjonali kollha biex jiġu eliminati l-konflitti u l-vjolenzi li jġiegħlu lin-nies jaħarbu.

Fl-istqarrija ġie kkwotat sondaġġ maħruġ mill-UNHCR, li berraħ il-ġerħa tal-persuni li jkollhom jaħarbu minn darhom minħabba l-gwerer, il-vjolenza u l-persekuzzjoni.

Semmiet ukoll is-sitwazzjoni qrib ta’ Malta tal-immigranti mill-Afrika ta’ Fuq li qed jitilfu ħajjithom f’baħar li nbidel f’ċimiterju. S’issa, fl-2017 hu stmat li fuq 1,770 persuna għerqu jew baqgħu ma nstabux waqt li kienu qed jaqsmu l-Mediterran mil-Libja. Aktar nies hu maħsub li mietu fid-deżert tas-Sahara qabel ma waslu l-Libja.

It-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti ttemm tgħid li l-fraternità umana u l-valur tas-solidarjetà jitolbu tweġibiet kreattivi, attivi, koordinati u konkreti u li l-intenzjonijiet tajbin u l-wegħdiet mhumiex biżżejjed. L-eżistenza ta’ kull bniedem hija marbuta ma’ dik ta’ oħrajn. L-oħrajn, huma min huma u jinsabu fejn jinsabu, huma persuni li jrid jittieħed ħsieb tagħhom.

Il-Kummissjoni Emigranti, li ilha taħdem bla heda mar-refuġjati u l-familji tagħhom mill-bidu tas-snin 1970.