Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Arċisqof jagħti l-appartament tiegħu lil familja ta’ refuġjati

.     -  19/06/17 12:00 PM

L-Arċisqof Pollakk Konrad Karajewski, l-elemożinir tal-Papa (inkarigat biex f’isem il-Papa jagħmel opri ta’ karita’), iddeċieda li jitlaq mill-appartament fejn jgħix f’Ruma, li ingħatalu mill-Vatikan minħabba l-kariga tiegħu, biex jagħtih lil familja ta’ refuġjati biex tmur tgħix fih hi.

Meta fl-2013, il-Papa ħatar lill-Arċisqof Karajewski fil-kariga tiegħu kien tah parir u qallu: “L-iskrivanija ma tgħoddx għalik, tista’ tbigħha. Tistenniex li n-nies se jiġu jħabbtulek il-bieb. Trid tmur int tfittex il-foqra”.

Meta dan l-aħħar Mons Karajewski sar jaf bil-wasla ta’ familja Sirjana li kienet għadha kif twelditilhom tarbija ftit jiem qabel, tahom l-appartament tiegħu u mar joqgħod fl-uffiċċju li kellu fis-sular ta’ fuq nett tal-istess blokk bini wara li għall-ewwel ġimgħa għex fil-kantina.

F’intervista mal-ġurnal Taljan “La Republica”, Mons Karajewski qal li dak li għamel hi ħaġa normali u xejn eċċezzjonali. “Illum, madwar id-dinja huma ħafna dawk is-saċerdoti jagħmlu dawn l-affarijiet.  Il-karita’ u l-qsim flimkien huma fid-DNA tal-Knisja Kattolika.  Kulħadd hu mitlub jagħmel xi ħaġa skont il-kariga li għandu. Jien ma għandix familja, jien sempliċi saċedot u li offrejt l-appartament tiegħi lil din il-familja ta’ refuġjati lili ma swieni xejn”, qal il-monsinjur.

Hu stqarr li bosta foqra jmorru jħabbtulu l-bieb jgħinhom u jsostnihom.  “Il-bieb tagħna hu miftuh il-ħin kollu.  Il-ħanut tax-xagħar, il-kmamar tal-banju, il-kliniċi huma dejjem miftuħa. In-nies ifittxuhom fil-jiem kollha tas-sena u f’kull ħin tal-ġurnata. Aħna ma nagħlqu qatt. Issa diġa’ bdejna li kull nhar ta’ Ħadd nieħdu t-tfal b’diżabilita’ u l-foqra lejn xatt il-baħar u filgħaxija nieħdu pizza flimkien. Ġesti sempliċi imma konkreti”, temm jgħid l-Arċisqof Karajewski.