Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

Passi important lejn ftehim bejn il-Vatikan u Iżrael

.     -  19/06/17 05:00 PM

Delegazzjoni għolja tal-Vatikan immexxija minn Mons. Antoine Camilleri u oħra minn Iżrael, immexxija mill-Ministru Tzachi Haengbi, responsabbli mill-Kooperazzjoni Reġjonali, kellhom laqgħa oħra f’Ruma li matulha saru passi important lejn ftehim bejn Il-Vatikan u Iżrael li ilu jkun negozjat għal bosta snin.

Fi tmiem din il-laqgħa, f’komunikat flimkien iż-żewġ naħat urew sodisfazzjoni għall-progress li sar liema progress jagħti tama li dawn in-negozjati jistgħu jkunu konklużi fi żmien qasir u jkun hemm ftehim finali.

Mons Camilleri huwa s-Sotto-Segretarju għar-Relazzjonijiet tal-Vatikan ma’ pajjiżi barranin u qed imexxi dawn id-diskussjonijiet li għandhom iġibu fis-seħħ u jkun implimentat Ftehim dwar il-Personalita Legali Bilaterali taż-żewġ stati, li kien inizjalat fl-1997, iżda għadu qatt ma daħal fis-seħħ.

Il-ftehim bejn il-Vatikan u Iżrael kien imwiegħed bħala parti minn Ftehim Fundamentali li kien intlaħaq fl-1993 li fetaħ it-triq biex il-Vatikan jibda jirrikonoxxi lil Iżrael. Saru negozjati fit-tul li kienu waqfu. Imbagħad kien sar sforz mill-Istati Uniti u t-taħditiet  reġgħu bdew fl-2004, iżda l-qbil għad ma hemmx.

Tul dawn l-aħħar 13-il sena, kelliem għall-Gvern Iżraeljan kemm il-darba qalu li l-ftehim kien fil-qrib iżda l-Vatikan il-ftit drabi li tkellem kien aktar kawt.

F’Ġunju 2013, id-Deputat Prim Ministru ta’ Iżrael kien ippreveda li l-ftehim kellu jintlaħaq sa tmiem dik is-sena filwaqt li l-Arċisqof Giuseppe Lazzarotto, Nunzju Appostoliku għal Iżrael kien aktar attent u qal li jittama li ma jdumx ma jintlaħaq ftehim iżda kien għad fadal numru ta’ ostakoli.

Fl-2015 il-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan qal li kellu raport min-Nunzju Appostoliku li kien ottimist dwar il-konklużjoni ta’ qabil diplomatiku dwar id-drittijiet legali u ekonomiċi tal-istituzzjonijiet tal-Knisja fl-Art Imqaddsa.

Aktar kmieni dan ix-xahar, id-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin Iżraeljan qal li dan il-ftehim li ilu jkun negozjat għal dawn l-aħħar 16-il sena, għandu jkun iffirmat sa tmiem din is-sena.