Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Jinstab raġel mejjet fil-baħar   |  "Diġà hemm ħafna kriminalità: Iżżiduhiex bil-'gentlemen's clubs'"   |  “Il-Knisja Maltija hi importanti għall-Papa” – In-Nunzju Appostoliku   |  Il-Golfo Azzurro ordnat jidħol Tripli b'theddid li jinfetaħ in-nar fuqu

Persuna kull tliet sekondi tturufnata minn darha...

Matthew Borg  -  19/06/17 01:31 PM

Persuna ġdida kull tliet sekondi jkollha taħrab min darha minħabba vjolenza, gwerer jew persekuzzjoni.

Il-Global Trends Report maħruġ mill-Uffiċju tal-Kummissarjat Għoli għar-Refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, il-UNHCR, juri fis-sondaġġ li s-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ 300,000 persuna mill-2015.

Ma’ tmiem is-sena 2016, 65 miljun u 600,000 persuna ġew irreġistrati bħala nies li kellhom jaħarbu minn darhom minħabba gwerer, vjolenza jew persekuzzjoni.

Il-messaġġ tar-rapport dwar is-sitwazzjoni huwa wieħed ċar: jeżisti numru enormi ta’ persuni fid-dinja li jeħtieġu protezzjoni.

Il-figura msemmija ta’ 65 miljun u 600,000 persuna hi magħmula minn tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet li jwasslu biex persuna taħrab minn darha.

L-ewwel sitwazzjoni hi l-każ tar-refuġjati. Fl-2016 kien hemm 22 miljun u 500,000 refuġjat, bi 17-il miljun u 200,000 minnhom taħt il-kappa tal-UNHCR, u l-bqija refuħjati Palestinjani waħedhom taħt il-kappa tal-UNRWA.

Il-kunflitt fis-Sirja jibqa’ l-akbar kawża, b’5 miljun u 500,000 persuna mbarrijin minn pajjiżhom minħabba l-ġlied ta’ ħaddieħor. Minkejja dan, l-2016 rat kawża oħra li żiedet l-għadd ta’ dawn il-persuni. Dan hu l-kunflitt fis-Sudan t’Isfel, fejn f’Lulju t-trattati għall-paċi sfaxxaw fix-xejn u kien hemm miljun u 870,000 persuna li ħarbu.

It-tieni kawża hija l-itturufnament tal-persuna f’pajjiżha stess, b’40 miljun u 300,000 persuna. Is-sitwazzjoni fis-Sirja, l-Iraq, u anki l-Kolombja kienu fost l-akbar għall-pjaga tal-persuni maħruba mill-pajjiż. Il-problema tal-itturufnament fil-pajjiż stess, fil-fatt, tammonta għal żewġ terzi taċ-ċifra globali ta’ persuni li jkollhom jaħarbu mill-pajjiż.

It-tielet fattur huwa l-persuni li qed ifittxu l-ażil u l-protezzjoni internazzjonali bħala refuġjati. Fl-2016 kien hemm 2 miljuni u 800,000 persuna tfittex l-ażil.

Dan kollu jfisser li llum persuna minn kull 133 spiċċat maħruba minn darha u qed tfittex fejn toqgħod.

Waħda mis-sejbiet inkwetanti hi li n-numru ta’ refuġjati ġodda baqa’ għoli. Miċ-ċifra globali 10 miljuni u 600,000 persuna ġew irreġistrati fl-2016. Żewġ terzi ta’ dan l-ammont jinsabu maħrubin f’pajjiżhom stess, persuna kull tliet sekondi.

It-tfal jammontaw għal nofs il-persuni maħruba fid-dinja, u jibqa’ l-grupp l-aktar li jerfa’ l-piż ikrah, l-aktar minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom. Kien hemm 75,000 talba għall-istatus ta’ refuġjat minn tfal li wħud minnhom kienu qed jivvjaġġaw waħedhom.

84% tar-refuġjati jaqilgħu minn dħul medju sa baxx, u minn dawn wieħed minn kull tlieta ġew milqugħa minn pajjiżi foqra. Dan juri żbilanċ kbir meta niġu biex nitkellmu liema pajjiżi jieħdu lil dawn il-persuni sbaiex joffrulhom kenn, kif ukoll juri fid-dieher in-nuqqas ta’ kunsens li hemm internazzjonalment. Iberraħ ukoll il-bżonnijiet ta’ pajjiż li jkun qed jilqa’ lil dawn il-persuni, kif ukoll il-perikli ġodda li pajjiż fqir jista’ jitfa’ fihom lil dawn il-persuni meta jilqagħhom f’daru.

Għada huwa l-Jum Dinji tar-Refuġjati.