Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Malta mhux qed timxi mal-liġi tal-UE dwar l-insib" - AĠ tal-Qorti Ewropea   |  Il-Qorti tilqa’ t-talba ta’ Busuttil biex tinvestiga lil Schembri u Mizzi; il-PM: “Busuttil b’interpretazzjoni ħażina”   |  Tarbija bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn karozza u tal-linja   |  Il-Papa jikteb lil soru li għenet għadd ta' nisa joħorġu mill-prostituzzjoni

Skola Nazzjonali tal-Futbol u padiljun tal-futsal fost il-proġetti l-ġodda tal-MFA

Kris  Gilson  -  15/07/17 07:26 PM

Fi tmiem il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Football Association, li saret dalgħodu, il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo ħabbar serje ta' proġetti ambizzjużi li l-Assoċjazzjoni se tidħol għalihom matul din is-sena ta' ħidma.

Ewlenija fost l-oħrajn, hemm il-ftehim li l-MFA laħqet mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, biex f'Ta'Qali tinbena t-tieni Skola Nazzjonali tal-Isport, din id-darba ffukata speċifikament fuq il-futbol.

Darmanin Demajo ħabbar li l-iskola se tkun qed isservi biex il-logħba tal-futbol f'Malta tiżviluppa b'tali mod li s'issa Malta qatt ma esperjenzat.

Waqt li rringrazzja lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Edukazzjoni għall-kollaborazzjoni tagħhom f'dan il-proġett, il-President tal-MFA spjega kif l-iskola se tilqa' fiha ċ-Ċentru Tekniku tal-MFA li se jiċċaqlaq mill-Istadium Nazzjonali.

Fost proġetti oħra li ssemmew, hemm it-tnedija ta' support unit għaż-żgħażagħ Maltin li jitħajru jsegwu karriera ta' futbol barra minn Malta.

Din għandha tagħmilha ftit iżjed faċli biex it-tfal u ż-żgħażagħ ikunu preparati għad-dinja totalment differenti u diffiċli li hemm barra minn Malta fil-livell professjonali.

Norman Darmanin Demajo tkellem ukoll dwar it-twaqqif ta' korp ġdid li jiġbor fih l-Amateurs u l-Grassroots li għandu jieħu l-forma ta' Non-League Football body bl-għan li jlaqqa' madwar mejda, il-membri kollha affiljati.

Matul din is-sena, l-MFA se tiżgura wkoll li tgħin lill-klabbs Maltin fir-reklutaġġ ta' amministraturi mħarrġa apposta biex il-klabbs ikunu dejjem iżjed amministrati b'mod professjonali.

Għal dan l-għan, l-MFA se toħloq korsijiet apposta għal kull min jixtieq jissieħeb ma' klabb bħala amministratur.

Finalment, tħabbar ukoll proġett ta' riġenerazzjoni totali għaż-żona li l-MFA għandha f'Ta'Qali fosthom il-bini ta' padiljun biex jintlgħab il-logħob tal-futsal kif ukoll żvilupp estensiv fis-South u n-North Stand tal-Istadium Nazzjonali.


Ritratt: MFA