Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Malta mhux qed timxi mal-liġi tal-UE dwar l-insib" - AĠ tal-Qorti Ewropea   |  Il-Qorti tilqa’ t-talba ta’ Busuttil biex tinvestiga lil Schembri u Mizzi; il-PM: “Busuttil b’interpretazzjoni ħażina”   |  Tarbija bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn karozza u tal-linja   |  Il-Papa jikteb lil soru li għenet għadd ta' nisa joħorġu mill-prostituzzjoni

Aġġornata: Eks-investigatur u l-Pulizija b’verżjonijiet differenti

Alvin  Vassallo  -  16/07/17 03:20 PM

Eks-investigatur tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) qal li l-Korp tal-Pulizija ma rreġistrax ir-rapporti tal-FIAU b’suspetti ta’ ħasil ta’ flus minn Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. Għal dan il-Korp irreaġixxa b’ċaħda.

Mal-gazzetta The Sunday Times of Malta, Jonathan Ferris spjega li f’ċirkostanzi normali, dawn ir-rapporti jinġabru mill-Uffiċċji tal-FIAU mill-Pulizija biex imbagħad jgħaddu għar-Reġistru tal-Pulizija.

Stqarr, li wara, ir-rapport jgħaddi għand supretendent biex iqabbad spettur li mbagħad jikkonsulta mas-superjuri tiegħu, qabel ma jgħaddi kollox lill-Avukat Ġenerali.

Żied jgħid li r-rapporti tal-FIAU ma ġewx irreġistrati b’mod uffiċjali għand il-Kap tal-Kriminalità fl-Ekonomija Ian Abdilla. Huwa sfida lill-pulizija biex jipprovdu n-numru ta’ referenza tar-rapporti mill-kotba ta’ korrispondenza, Spjega li anke spettur għandu l-ktieb ta’ korrispondenza li jiffaċilità biex wieħed jittraċċa l-moviment ta’ kull fajl.

Jonathan Ferris spjega kif ix-xahar l-ieħor tkeċċa mill-FIAU waqt li kien fuq probation. Huwa beda jaħdem mal-FIAU fl-aħħar tal-2016.

“Ma tħallejtx ninvestiga għax qaluli għandi kunflitt ta’ interess” – Jonathan Ferris

Żied jgħid li hekk kif faqqgħet l-allegazzjoni tal-kumpanija Egrant fil-Panama, huwa ma tħalliex jinvestiga aspetti marbuta mal-Gvern. L-allegazzjoni dwar Egrant kienet tgħid li Michelle Muscat hija sidt il-kumpanija. Din l-allegazzjoni ġiet miċħuda kemm mill-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll minn martu.

Jonathan Ferris saħaq li din il-manuvra raha stramba għax fil-passat kien ħadem f’affarijiet simili. Spjega li r-raġuni li tawh kienet li għandu kunflitt ta’ interess, minħabba li kien arresta lil whistleblower Russa wara li t-tmexxija tal-Bank Pilatus kienet irrapportatha li ffrodat il-bank.

Żied jgħid li xħin intebaħ li l-pożizzjoni tiegħu fl-FIAU ma kellhiex futur, kien talab biex jerġa’ jingħaqad mal-Pulizija, iżda stqarr li kienu qalulu biex jistenna sa wara l-elezzjoni ġenerali.

Huwa qal li t-tkeċċija tiegħu tagħmillu unur, iżda li qed jara kif jista’ jikkontesta t-tkeċċija b’mezzi legali.

Fi stqarrija li bagħtet waranofsinhar, il-Pulizija ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru minn Ferris, li f’dan il-każ ma segwietx il-proċeduri stabbiliti u saħqet li l-files ġew irreġistrati u tmexxew bħal f’każijiet simili.

Żiedet tgħid li dejjem imxiet b’integrità u b’serjetà u saħqet li huwa ta’ għajb li jintefgħu dubji fuq fatti li ma jeżistux.

L-FIAU tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ mġiba mhux korretta 

Il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet ta’ mġiba mhux korretta magħmula kontra tiegħu f’artiklu li deher f’The Sunday Times.

Fi stqarrija l-FIAU qal li dejjem ħalla lill-uffiċjali tiegħu jagħmlu xogħolhom fil-libertà u fl-indipendenza li l-funzjoni tagħhom tinħtieg.

Stqarr li dawn l-insinwazzjonijiet jakkumulaw ma’ insinwazzjonijiet oħra li saru dan l-aħħar fil-media dwar kemm irriżenjaw impjegati mill-FIAU mill-2013 ’il quddiem . Saħaq li kulħadd jaf li s-settur tal-impjiegi fis-servizzi finanzjarji huwa wieħed fejn hemm ħafna kompetizzjoni u fejn it-tluq ta’ impjegati għax isibu xogħol ieħor fis-settur isir b’rata pjuttost mgħaġġla.

Temm jgħid li dejjem qeda l-funzjonijiet tiegħu skont il-liġi u b’rettezza u li t- tmexxija tal-FIAU aġixxiet skont il-liġi u b’mod meqjus u responsabbli fl-aħjar interessi tal- organizzazzjoni u tas-soċjetà b’mod ġenerali fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha.