Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Malta mhux qed timxi mal-liġi tal-UE dwar l-insib" - AĠ tal-Qorti Ewropea   |  Il-Qorti tilqa’ t-talba ta’ Busuttil biex tinvestiga lil Schembri u Mizzi; il-PM: “Busuttil b’interpretazzjoni ħażina”   |  Tarbija bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn karozza u tal-linja   |  Il-Papa jikteb lil soru li għenet għadd ta' nisa joħorġu mill-prostituzzjoni

Aġġornata: "Min jagħmel xogħlu jitkeċċa, min jilgħaq lill-Gvern jingħata promozzjoni" - Simon Busuttil

Matthew Borg  -  16/07/17 11:54 AM

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, qal li f’Malta min jagħmel xogħlu tajjeb jitneħħa mill-kariga tiegħu, filwaqt li min jilgħaq lill-Gvern jingħata promozzjoni.

Dan qalu waqt intervista fuq Radio 101, fejn irrefera għar-rapport li deher fuq is-Sunday Times of Malta.

Ir-rapport huwa dwar intervista li saret ma’ Jonathan Ferris, wieħed mill-eksuffiċjali għolja fi ħdan l-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil ta’ Flus, l-FIAU.

Ferris, flimkien ma’ Charles Cronin, tkeċċew mill-FIAU x-xahar li għadda.

Simon Busuttil jikkwota lil Ferris jgħid li l-FIAU ma investigatx ir-rapporti dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, dwar allegati ħasil ta’ flus, iżda dawn ir-rapporti lanqas biss ġew investigati mill-Pulizija.

Dr Busuttil kompla jgħid li Ferris tkeċċa fiż-żmien meta kien hemm l-investigazzjonijiet fuq Joseph Muscat u martu, Michelle Muscat, u l-allegat pussess tal-kumpanija Egrant mill-mara tal-Prim Ministru.

Il-Kap Nazzjonalista qara biċċa mir-rapport, li jgħid li Ferris iħoss li t-tkeċċija tiegħu mill-FIAU hija medalja ta’ unur talli kien qed jagħmel xogħlu sewwa.

Dwar dan, Dr Busuttil temm jgħid li anki meta ma jibqax kap, se jibqa’ jeżerċita l-poteri kollha li tagħtih il-liġi bħala ċittadin sabiex issir il-ġustizzja.

Tul il-kollegament telefoniku, Dr Busuttil fakkar fir-rikors li nhar il-Ġimgħa ressaq il-Qorti, sabiex jiġi stabbilit jekk l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama Papers, huwiex każ ta’ ħasil ta’ flus.

Huwa staqsa minn fejn kienu se jġibu miljun ewro fis-sena biex imantnu l-kont bankarju fil-Panama, meta kellhom paga ta’ €50,000 fis-sena.

Sadanittant, għada jiftaħ il-proċess sabiex jintlaqgħu n-nomini għal Kap tal-PN, li jibqa’ sejjer sal-Erbgħa.

Sa issa kkonfermaw l-Eks Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said u l-avukat Adrian Delia, bl-aħħar persuna li tħabbar in-nomina tagħha tkun it-Teżorier Alex Perici Calascione dalgħodu b’messaġġ fuq Facebook.

Simon Busuttil irid li min jilħaq floku jkun negattiv daqsu - PL

Il-Partit Laburista qal fi stqarrija, b'reazzjoni għal dak li qal il-Kap Nazzjonalista, li Simon Busuttil għadu ma fehemx li l-politika mhijiex dwar ġlied jew min se jbeżża' lil min.

Il-PL irrefera għal xħin Dr Busuttil qal li l-mexxej il-ġdid tal-PN għandu jkun wieħed li bħalu ma jibżax jgħix lill-Gvern, "ma nibżax minnek".

L-istqarrija ttemm tgħid li l-pajjiż jixraqlu Oppożizzjoni serja u kostruttiva li tikkontribwixxi b’ideat għall-familji u negozji Maltin u Għawdxin.