Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Malta mhux qed timxi mal-liġi tal-UE dwar l-insib" - AĠ tal-Qorti Ewropea   |  Il-Qorti tilqa’ t-talba ta’ Busuttil biex tinvestiga lil Schembri u Mizzi; il-PM: “Busuttil b’interpretazzjoni ħażina”   |  Tarbija bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn karozza u tal-linja   |  Il-Papa jikteb lil soru li għenet għadd ta' nisa joħorġu mill-prostituzzjoni

Awdjo: Proposta ta’ Godfrey Farrugia favur il-ħajja: Il-PN jaqbel, il-Gvern ma jweġibx

Alvin  Vassallo  -  17/07/17 07:16 PM

Wara li l-Partit Nazzjonalista esprima l-appoġġ tiegħu għall-mozzjoni tal-membru parlamentari tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia li jitwaqqaf Kumitat għad-Dritt tal-Ħajja u d-Drittijiet tal-Bniedem, Newsbook.com.mt ħa l-kummenti tiegħu.

Dr Farrugia qal li ż-żmien sabiex il-Gvern u l-Oppożizzjoni jgħaddu l-kummenti tagħhom għalaq il-ġimgħa l-oħra. Żied jgħid li konxju li l-mozzjoni mhux se tilħaq tiġi diskussa qabel mal-Parlament joħroġ għall-vaganzi tas-sajf. Madanakollu, id-Deputat tal-PD qal li qed janalizza l-proposti, l-ideat u l-emendi li rċieva min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Spjega li se jkun qed jiltaqa’ mal-Oppożizzjoni sabiex jiddiskuti aktar fid-dettall.

Kelliem għall-PN ikkonferma dan ukoll ma’ Newsbook.com.mt u qal li wara diskussjoni fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, ġie deċiż li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja u jissekonda din il-mozzjoni.  Stqarr li l-Partit Nazzjonalista diġà mpenja ruħu li jiddefendi d-dritt tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt.

Dr Farrugia qal li minkejja li għadu ma rċeva l-ebda rispons min-naħa tal-Gvern, xorta waħda se jressaq mozzjoni fil-Parlament. Qal ukoll li minkejja li baqa’ bla tweġiba, se jipprova l-aħħar tentattiv. Żied jgħid li jekk il-Gvern jibqa’ ma jweġbux, se jkollu ċans xorta waħda li jressaq emendi fil-Parlament meta jressaq il-mozzjoni.

Temm jgħid li xtaq li l-ftehim fuq l-abbozz ta’ mozzjoni jsir barra mill-Parlament.

Newsbook.com.mt lanqas ma rċieva tweġiba għall-mistoqsijiet li bagħat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.