Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-PD kontra l-kwota tan-nisa fil-Parlament

Alvin  Vassallo  -  17/07/17 03:37 PM

Il-Partit Demokratiku qal li huwa favur iż-żieda tan-nisa fis-settur pubbliku b’mod partikolari fil-Parlament, iżda huwa kontra li jkun hemm kwota ta’ kemm għandu jkun hemm nisa.

Fi stqarrija, il-PD qal li se jressaq għadd ta’ proposti biex iżid aktar il-parteċipazzjoni tan-nisa fosthom fil-qasam edukattiv. Saħaq li għandu jkun l-elettorat li jagħżel il-kandidati tiegħu b’mod liberu.

Tenna li l-importanti hu li l-partiti politiċi jippreżentaw lista bilanċjata ta’ kandidati.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Demokratiku kien l-aktar partit li kellu nisa, b’persentaġġ ta’ 40%.

Il-PD saħaq li jemmen li l-partiti politiċi għandhom jiġu mħallsa mill-Istat u li l-membri parlamentari jkunu jaħdmu fuq bażi full time. Żied jgħid li s-sigħat tal-parlament għandhom jiġu bħas-sigħat tal-uffiċċju.

Sostna li xogħol ieħor marbut mal-Parlament għandu jkunu flessibbli u li s-salarju għandu jkun jirrifletti r-responsabbiltà tal-kariga.

Il-PD qal li meta Membru Parlamentari jservi żewġ leġiżlaturi sħaħ għandu jkun intitolat għall-pensjoni sħiħa.

Stqarr li għandu jkun hemm ukoll biżżejjed assistenti biex jgħinu lill-membri parlamentari fir-riċerka tagħhom.

Il-PD qal li għandu jingħata l-leave tal-paternità u tal-maternità b’mod ugwali kemm fil-kumpaniji privati u pubbliċi. Saħaq li l-ġenituri għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu huma kemm jieħdu leave wara li t-tarbija titwieled.

Żied jgħid li ċ-­child care centres għandhom iżidu l-ħinijiet tagħhom biex jgħinu aktar lill-ġenituri. Dwar iċ-ċentri għat-tfal, il-PD qal li dan is-servizz għandu jkun ukoll fil-parlament sabiex tkun aktar faċli għall-MEPs li għandhom tfal żgħar.