Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Jinħeles mill-akkuża li abbuża sesswalment minn bintu

Alvin  Vassallo  -  17/07/17 04:37 PM

Missier inħeles mill-akkużi fosthom li ftit anqas minn 11-il sena ilu abbuża sesswalment minn bintu li dak iż-żmien kellha tliet snin.

Dan hekk kif filwaqt li l-Qorti nnotat li l-missier kien dejjem konsistenti fid-dikjarazzjonijiet tiegħu, il-bint m’għamlet l-ebda allegazzjoni ċara u diretta fil-konfront ta’ missierha.

Huwa kien mixli li kkorrompa lil bintu b’għemil żieni u żammha kontra r-rieda tagħha biex tagħmel xi ħaġa li toffendi s-sesswalità tagħha.

Fil-Qorti nstema’ li l-każ seħħ fl-2006 meta t-tifla u l-missier kienu waħedhom waqt li l-ġenituri kienu għaddejjin minn proċeduri ta’ separazzjoni.

F’Ottubru, 2016 l-omm irrapportat lill-missier. Min-naħa tiegħu l-Missier fil-Qorti sostna li l-allegazzjonijiet kienu pjan ta’ martu u familtha biex iċaħħduh milli jara lil bintu għal għomru.

Min-naħa tagħha t-tifla xehdet dwar l-allegat abbuż u tkellmet dwar il-logħba tat-tabib li fi kliemha din il-logħba ma kinitx togħġobha u qalet li kienet iddejjaqha. Madankollu din ix-xhieda qatt ma kompliet għax l-omm telqet minn Malta ma’ bintha. Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud innota diversi nuqqasijiet fil-każ fosthom id-dewmien.

Huwa qal li għandu diversi dubji fuq ix-xhieda tat-tifla u qal li l-Qorti toqgħod fuq il-provi u mhux fuq insinwazzjonijiet tal-prosekuzzjoni.