Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

'Nuqqas ta’ governanza tajba' u 'milli jkun żgurat valur għall-flus', iżda ebda 'evidenza diretta ta’ pressjoni politika'

Mill-Parlament    -  17/07/17 09:08 PM

Żewġ rapporti tal-Awditur Ġenerali dwar l-allegat indħil politiku f’espropjazzjoni ta’ propjetà fix-Xemxija u bejgħ ta’ propjetà f’San Ġiljan jindikaw kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ governanza tajba, kif ukoll li fiż-żewġ każi il-Gvern tilef ammont sostanzjali ta' flus, iżda “ma sabx evidenza diretta ta’ pressjoni politika”.

Iż-żewġ rapporti kienu ppreżentati lill-Kamra tar-Rappreżentanti mill-Awditur Ġenerali wara investigazzjoni ta’ madwar sentejn. Fiż-żewġ każi, l-investigazzjoni saret fuq talba li għamel nhar it-23 ta’ Ġunju 2015, il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. L-Uffiċċju ntalab jivverifika jekk il-prinċipji ta’ governanza tajba, il-valur għall-flus, it-trasparenza u l-kontabilità ġewx rispettati, u jekk kienitx eżerċitata pressjoni politika.


Bejgħ ta’ Propjetà f’San Ġiljan

L-Awditur Ġenerali qal li “ma sabx evidenza diretta ta’ pressjoni politika” fit-trasferiment tal-proprjetà 83, Triq Spinola, San Ġiljan bejn l-2006 u l-2013. Qal li l-parti l-kbira tal-proċess sar fuq livell tekniku, iżda nnota “element ta’ involviment ministerjali” fid-deċiżjoni li l-propjetà tiġi mibjugħa flok mogħtija bħala enfitewsi perpetwa liema deċiżjoni mmaterjalizzat wara laqgħa li fiha kien involut dak li kien il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumaturi Jason Azzopardi.

Ir-rapport jindika nuqqasijiet amministrattivi fosthom il-fatt li d- Dipartiment tal-Artijiet induna tard li l-propjetà fuq enfitewsi temporanju inbiegħet bejn enti privati minkejja li l-enfitewsi kien skada. Ukoll, minkejja li l-qrati iddeċidew favur il-Gvern li s-sid tal-propjetà ma kellu ebda jedd fuq plajja biswit il-propjetà inkwestjoni, il-Gvern biegħ is-sit intier għal €525,000.Innota wkoll nuqqas ta’ dokumentazzjoni dwar il-proċess. Qal ukoll li d-deċiżjonijiet dwar is-sit, inkluż il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti, ir-referenza tal-każ lid-Dipartiment tal-Kuntratti, kif ukoll fl-approvazzjoni mitluba lill-Ministru tal-Finanzi, ittieħdu a bażi ta’ informazzjoni parzjali li ma tagħmilx referenza għall-fatt li l-plajja ma kienitx parti mis-sit intier. Saħaq li l- Kummissarju tal-Artijiet, “li ċertament kien konxju mid-deċiżjoni tal-Qorti iżda naqas milli jġib dan il-fatt sinifikanti għall-attenzjoni minkejja l-bosta opportunitajiet biex jagħmel dan”.

L-NAO stabbilixxa li s-sit kellu valur ta’ €1.5 miljun meta jitqies il-potenzjal tiegħu u €2.4 miljun meta jitqies il-valur tal-istruttura mibnija fuqu. Sostna li l-Gvern naqas milli jiżgura valur għall-flus fit-trasferiment ta’ dan is-sit għal €525,000, liema ammont ġie miftiehem mill-partijiet wara arbitraġġ. Qal ukoll li l-kwistjoni kompliet taggrava meta l-Gvern trasferixxa s-sit permezz ta’ bejgħ minflok enfitewsi perpetwu kif ukoll meta s-sit kollu tqis bħala proprjetà tal-Uffiċċju Konġunt hekk kif il-plajja kienet proprjetà tal-Gvern. Ikkritika wkoll lill-Gvern li sa llum baqa' ma ġabarx is-somma ta' €309,000 miċ-ċifra li għaliha kienet inbiegħet il-propjetà inkwestjoni.


Espropjazzjoni ta’ propjetà fix-Xemxija

L-Awditur Ġenerali rrikonoxxa li l-espropriju ta’ din il-propjetà “serviet l-iskop pubbliku maħsub” hekk kif għenet biex tinkiseb lura art biex titreġġa lura għall-istat oriġinali għall-benefiċċju tal-pubbliku, u dan skont il-politika dikjarata tal-Gvern. Faħħar ukoll il-fatt li n-negozjati saru mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-Proprjetà (PEC), li t-twaqqif tiegħu kkontribwixxa lejn l-integrità tal-proċess. Innota li n-nuqqas ta’ fondi wassal għal “proċeduri meqjusa bħala anomali” biex jintlaħaq ftehim bonarju. Ir-rapport innota li nkisbu l-approvazzjonijiet neċessarji biex tingħata permuta ta’ art, iżda kkundanna n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni dwar laqgħat bejn id-Dipartiment tal-artijiet u s-sid tal-art fix-Xemxija li wasslu għall-identifikazzjoni ta’ artijiet li kellhom jingħataw b’kumpens, u kif il-Kumpanija kienet infurmata dwar dawn is-siti. L-Awditur Ġenerali qal li “għandu riservi sinifikanti” dwar l-użu tal-arbitraġġ biex jiġi stabbilit il-valur tal-art għaliex "negozjati dwar il-valur ta’ proprjetà tal-Gvern jippreżentaw riskju żejjed u mhux ġustifikat lill-Gvern”. Irrimarka li minkejja li d-differenza ta’ €1,127,424, kontra l-Gvern, hija sostanzjali, parti minnha tista’ tiġi attribwita lis-suġġettività inerenti f’valutazzjoni ta’ proprjetà; mentri parti oħra tista’ tiġi attribwita għal fatturi oġġettivi, bħal policies ta’ żvilupp applikabbli.

Ir-rapport jinnota kuntrast bejn id-Direttur Ġenerali u l-Ministru dwar jekk il-proċess kellux jitkompla wara li ssejħet Elezzjoni Ġenerali u jisħaq li t-tnejn kellhom argumenti validi. Il-Ministru kien sostna li l-proċess kellu jiġi konkluż għaliex kien ħa wisq fit-tul. L-Awditur Ġenerali nnota li ebda liġi ma tistabbilixxi liema proċessi għandhom jieqfu f’każ li tissejjaħ l-elezzjoni Ġenerali.

 

“Żewġ kundanni oħra fuq Jason Azzopardi” - PL

Sqarrija tal-Partit Laburista qalet li r-rapporti tal-Awditur Ġenerali juru “ksur ta’ governanza u trasparenza, b’deals finanzjarji li minnhom pajjiżna mar minn taħt” hekk kif jagħtu “kundanna assoluta lit-tmexxija ta’ Jason Azzopardi meta kien responsabbli politikament mill-qasam tal-artijiet”.

Il-PL sostna li l-Awditur Ġenerali qal li l-Gvern tilef €1,500,000 minn bejgħ tal-propjeta’ f’San Ġiljan, li “l-valur tal-propjeta’ ma kenitx aċċertata”, li d-deċiżjoni biex il-propjeta’ tinbiegħ flok b’ċens perpetwu, sar wara laqgħa mal-Ministru u l-Kap tas-Segretarjat tiegħuu “li kien hemm ksur ċar ta’ prinċipji ta’ trasparenza u governanza”.

L-istess stqarrija ċċitat ukoll kwotazzjonijiet mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li jidentifikaw “nuqqas ta’ governanza tajba” fil-fatt li l-evalwazzjoni tal-art ma qisietx il-fatt li din setgħet tiġi żviluppata kif ukoll l-użu ta’

“proċedura anomala” fil-mod kif saret l-istess valutazzjoni, inkluż l-involviment tas-sid tal-art inkwestjoni fil-proċess.

 

“Konferma li l-allegazzjonijiet ta’ Joseph Muscat kienu foloz” - PN

Stqarija tal-Partit Nazzjonalista qalet li ż-żewġ rapporti tal-Awditur Ġenerali jikkonfermaw li l-allegazzjonijiet tal-Gvern dwar involviment politiku minn Azzopardi “kienu foloz mill-bidu sal-aħħar” u “jagħtu ċertifikat pożittiv” għall-ħidmietu. L-istqarrija maħruġa għan-nom tal-istess Azzopardi tgħid li r-rapporti “jikkonfermaw li fl-ebda ħin ma kien hemm intervent politiku”, iżda l-proċessi saru biss bejn il-privat u ċ-Ċivil kif jiġri f’kull każ ta’ esproprjazzjoni u trasferiment ta’ proprjetà.

L-istqarrija saħqet li r-rapport dwar l-esproprjazzjoni tal-proprjetà f’San Pawl il-Baħarjikkonferma l-preżenza ta’ skop pubbliku u faħħar it-twaqqaf ta’ kumitat apposta biex in-negozjati ma jsirux mill-politiċi jew mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Artijiet; kumitat li assigura trasparenza akbar u provda salvagwardji addizzjonali għall-integrità ta’ dan il-proċess. L-istqarrija tal-PN innutat ukoll li waqt l-Awditur Ġenerali jirrikonoxxi nuqqasijiet amministrattivi fil-proċess ta’ bejgħ tal-propjetà f’San Ġiljan, jikkonferma li ma kienx hemm indħil politiku, iżda li l-proċess kollu kien influwenzat minn żball notarili li sar fl-1975.

“Jekk xejn, għal diversi drabi matul ir-rapport, l-Awditur Ġenerali jirrimarka li l-politiċi ma ngħatawx id-dettalji neċessarji u għalhekk ma kellhomx l-informazzjoni korretta”.