Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Aġġornata: Said u Delia jitfgħu n-nomina għal Kap tal-PN

Matthew Borg  -  17/07/17 11:35 AM

Adrian Delia u Chris Said ippreżentaw uffiċjalment in-nomina tagħhom għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif dalgħodu beda l-proċess biex jintgħażel kap ġdid.

Delia u Said ippreżentaw in-nomina lis-Segretarju Ġenerali tal-PN, Rosette Thake, fid-Dar Ċentrali tal-PN, u wara nedew il-kampanji uffiċjali rispettivi.

“Flimkien nissaħħu biex nirbħu” – Chris Said

Bil-kampanja bl-isem ta’ “Flimkien nissaħħu biex nirbħu”, f’Ħal Safi, Chris Said qal li din għalih mhix xi avventura, u li se jimpjega l-esperjenza kollha tiegħu sabiex iġedded lill-partit.

Fi stqarrija, Chris Said sostna li bħalissa l-PN ma jridx mexxej li għadu jrid isib saqajh, iżda wieħed li jaf sew lill-partit u lin-nies.

Said qal li nieda l-kampanja tiegħu f’Ħal Safi bħala ġest simboliku, għax il-parit tilef ħafna nies min-Nofsinhar ta’ Malta. Said wiegħed li jekk jilħaq kap, jikkummissjona analiżi ta’ dawk li sejħilhom “bidliet soċjali”, sabiex il-PN ikun jista’ jirrifletti aħjar l-aspirazzjonijiet tan-nies.

Iniedi wkoll strateġija għall-ħaddiem billi jinħatru ħaddiema, minn fost il-ħaddiema li jibnu mill-ġdid il-pont bejn il-PN u bejnhom.

Tkellem ukoll dwar ix-xewqa li jibda jiltaqa’ man-nies fil-każini, sabiex terġa’ tibda s-sistema ta’ street leaders.

Il-Membru Parlamentari Għawdxi sostna li jaf il-preġji u d-difetti kollha tal-PN, u wiegħed li jibni fuq tal-ewwel, filwaqt li jagħraf isewwi d-difetti sa mill-ewwel jum tal-ħatra.

Said ħabbar li se jkun qed idur ukoll il-kmamar tal-aħbarijiet biex jitkellem mal-ġurnalisti.

“Bidu ġdid” – Adrian Delia

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Adrian Delia, li sa issa qatt ma kien involut fix-xena politika, nieda l-kampanja “Bidu ġdid” quddiem bieb id-Dar Ċentrali.

Huwa saħaq li l-PN jeħtieġlu jibda mill-bidu nett b’wiċċ ġdid, b’aġenda ġdida wkoll, u jkun attiv minflok jirreaġixxi biss għall-aġenda ta’ ħaddieħor.

Minħabba li Delia mhuwiex membru parlamentari, jekk ikollu jinħatar mexxej tal-PN, ikollu jirriżenja wieħed mill-Membri Parlamentari tal-partit.

Huwa u jiddeskrivi dan il-mument bħala “t-twelid formali tiegħu fil-politika”, l-avukat enfasizza li għandu viżjoni friska għall-partit, li ġejja mill-fatt li hu xi ħadd ġdid għalkollox. Sostna li dan huwa vantaġġ għalih.

Saħaq li l-politika li jġib miegħu se tkun waħda fejn kulħadd jibda jħares lejn kulħadd b’mod ġdid, u rrefera għall-familji fil-bżonn.

Mistoqsi mill-ġurnalisti x’jaħseb dwar ir-rikors imressaq il-Qorti mill-Kap Nazzjonalista biex jiġi verifikat jekk Konrad Mizzi u Keith Schembri ħaslux il-flus, Delia qal li dan m’għandux ikun ix-xogħol ta’ kap ta’ partit.

Semma wkoll lill-eksdeputat Franco Debono, u qal li partit immexxi minnu ma jkollux post għal Debono.

Sadanittant, ilbieraħ it-teżorier tal-partit Alex Perici Calascione ħabbar li se jkun qed jitfa’ n-nomina tiegħu. Nhar l-Erbgħa jagħlaq iż-żmien biex wieħed jitfa’ n-nomina tiegħu.