Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Papa Franġisku l-ewwel Papa li se jżur il-Mjanmar

.     -  10/08/17 12:00 PM

Il-Papa Franġiksu se jkun l-ewwel Papa Kattoliku li se jżur il-Mjanmar f’Novembru li ġej, skont rapport ippublikat minn servizz ta’ aħbarijiet kattoliċi fl-Ażja.

L-Unjoni tal-Aħbarijiet Kattoliċi Ażjatiċi irrappurtat li l-Papa Franġisku se jżuru dan il-pajjiż Ażjatiku qabel vjaġġ li kien ippjanat għal Bangladexx fl-istess xahar.

Ir-rapport jikkwota sorsi għolja Kattoliċi jgħidu li l-vjaġġ se jsir fis-27 ta’ Novembru u jdum erbat ijiem.

Żjara bħal din hi meqjusa bħala pass sinjifikanti ħafna fir-relazzjonijiet bejn il-Knisja Kattolika u Mjanmar, li qabel kien magħruf bħala Burma, li beda proċess ta’ riformi demokratiċi fl-2015 biex jipprova joħroġ minn ħakma militari ta’ 20 sena.

Il-Vatikan u Mjanmar stabbilixxew relazzjonijiet diplomatiċi f’Mejju li għadda wara laqgħa fil-Vatikan bejn il-Papa Franġisku u l-mexxej “de facto” tal-pajjiż –Aung San Suu Kyi li hi rebbieħa tal-Premju Nobel għal-Letteratura.

Ir-rapport jgħid li l-Papa se jżur il-belt kapital ta’ Mjanmar, Naypyidaw, għal laqgħa formali ma’ Suu Kyi qabel imur lejn Yangon li hi l-akbar belt fil-pajjiż.

Skont sorsi fil-Vatikan il-Papa Franġisku kien qed jikkunsidra li jagħeml vjaġġ fl-Indja u Mjanmar iżda s’issa ma kienx possibbli jsiru l-arranġamenti għal vjaġġ fl-Indja minħabba l-impenji tal-Prim Ministru ta’ dak il-pajjiż.

Jekk  il-Papa jżur Mjanmar se jiffaċċja problema ta’ kif jitkellem dwar il-Musulmani Rohingya li huma minoranza fil-pajjiż.

In-Nazzjonijiet Uniti qalet li qed isiru attroċitajiet kontra r-Rohingya li jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità.

Madwar 88% tal-poplu ta’ Mjanmar huma Buddisti.

Hemm 659,000 Kattoliku jgħixu fi 384 parroċċa. Il-pajjiż għandu popolazzjoni ta’ 51 miljun persuna.