Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

#jienavoluntier: Minn xiex għaddew dawn iż-żgħażagħ Maltin?

Yendrick  Cioffi  -  11/08/17 08:39 AM

Grupp ta’ żgħażagħ Maltin għadhom kemm waslu mill-Albanija wara esperjenza ta’ volontarjat li wettqu mas-Sorijiet tal-Karità, magħrufa ta’ Santa Giovanna Antida, fil-villaġġ ta’ Rubik.

Ma’ Newsbook.com.mt, Melissa D’Amico, waħda mill-voluntiera spjegat li matul il-jiem li qattgħu fl-Albanija, iż-żgħażagħ Maltin ħadmu f’kamp tas-sajf ma’ għadd ta’ tfal u adoloxxenti

Fost affarijiet oħra, iż-żgħażagħ Maltin kienu jżuru d-djar ta’ dawn it-tfal biex jaraw b’għajnejhom is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-familji tagħhom biex jifhmu aħjar ir-realtà tal-pajjiż u jkunu jistgħu jwettqu l-volontrjat tagħhom aħjar.

Waħda mill-esperjenzi li Melissa tibqa’ tiftakar kienet ħarsa ta’ waħda mit-tfajliet Albaniżi waqt li ż-żgħażagħ Maltin kienu qed juru lit-tfal u l-addoloxenti filmat dwar il-Parabolla tal-Iben il-Ħali.

Malli fil-filmat dehret mejda mimlija ikel, waħda mit-tfajliet ħarset lejn Melissa u għamlitilha sinjal għal żaqqha, biex tgħidilha kemm għandha ġuh.

Il-voluntiera spjegat li meta tħares lejn iż-żgħażagħ Albaniżi ma tindunax bil-faqar. Bħaż-żgħażagħ Maltin jidhru normali, jilbsu u anke jimxu mal-moda, iżda taħt dak kollu hemm it-tbatija.

Tkellmet dwar l-Albanija u spjegat kif filwaqt li l-ibliet il-kbar jidhru żvillupati, l-irħulha fil-periferija huma fqar. Spjegat kif daħlu ġo djar, mhux akbar “minn salott normali f’dar Maltija” u fiha joqogħdu għaxar persuni.

Biex iżżid mal-problemi, ħafna minn dawn il-villaġġi jinsabu fuq muntanji u biex wieħed ikollu aċċess għall-affarijiet bażiċi ta’ kuljum, bħall-ilma, irid jivjaġġa ‘l bogħod u l-vjaġġ mhux ħafif.

“Ma temminx li sagħtejn biss ‘il bogħod minn Malta bl-ajruplan hemm dak il-faqar kollu,” temmet tgħid Melissa.

Jekk tixtieq tissieħeb ma’ dan il-grupp, li jġib l-isem Young Friends of Jean Antide, żur il-paġna ta’ Facebook.


Jekk se tagħmel volontarjat fil-ġimgħat li ġejjin, jew taf b’xi ħadd li mar u għandu album ta’ ritratti x’jaqsam magħna, Newsbook.com.mt u RTK jixtieq jitkellem magħkom. 

Anke jekk qiegħed barra l-pajjiż, tiddejjaqx tkun parti mill-kampanja ta’ Newsbook.com.mt u RTK. Ibgħatilna fuq info@newsbook.com.mt