Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​“Il-legalizzazzjoni tad-droga hija biss tama bi prezz irħis” – Isqof Grech

Stefan  Pullicino  -  12/08/17 12:28 PM

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech iddeskriva l-legalizzazzjoni tad-droga bħala tama bi prezz irħis. Qal li biex jiġu sodisfatti x-xewqat tal-bniedem, ma għandhomx jiġu offruti tamiet bi prezz irħis. Hawnhekk saħaq li l-bniedem ma jiġix sodisfatt b’dak li jitlob, iżda billi jingħata dak li jixraqlu.

“Hawn min jibża’ jidħol fl-impenn taż-żwieġ”

Fl-ittra pastorali tiegħu, l-Isqof Grech isemmi kif hemm persuni li t-tama hija l-mutur ta’ ħajjithom għax ma jaqgħtu qalbhom minn xejn.

Jammetti li ż-żminijiet tal-lum huma mmarkati b’għadd ta’ kriżijiet personali, familjari, ekonomiċi u istituzzjonali.

Isemmi kif hawn min jibża’ jidħol għall-impenn taż-żwieġ u jifforma familja u dan qed iwassal għal ħolqien ta’ kultura ta’ suspett f’kollox u f’kulħadd.

L-Isqof Grech qal li f’dan il-kuntest, Malta għandha bżonn urġenti tat-tama.

“Hawn reżistenzi għal riformi fil-Knisja”

Jaċċenna dwar dawk li sejjaħ bħala “reżistenzi” biex iseħħu ċerti riformi f’diversi aspetti tal-ħajja tal-Knisja għax hawn dawk li jiddeskrivi bħala “profeti tal-qerda” li fil-ħeġġa reliġjuża iktar moħħhom biex jinnutaw it-tebgħa milli l-ħafna tajjeb li hemm fil-bniedem.

“L-Insara m’għandhomx jaraw kollox iswed”

L-Isqof t’Għawdex saħaq li l-kisbiet tat-teknoloġija, xjenzi, ekonomiċi u politiċi għandhom jitgawdew minn kulħadd. Sejjaħ bħala “skandlu” meta l-Insara jaraw kollox minn nuċċali iswed. Ikkwota lill-Papa Franġisku li qal li l-Insara ma jċedux għal-lejl imma jittamaw fiż-żerniq.

“It-tama tirbaħ fuq il-biża’”

Saħaq dwar l-etika tat-tama li qal trid tirbaħ lill-etika tal-biża. Fl-istess ħin, jispjega li meta wieħed jittama, ma jfissirx li dan joqgħod jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu.

L-Isqof Grech ikompli jgħid li t-tama hija frott ta’ dixxerniment għaqli li wieħed jagħmel biex isib triqtu. Jispjega kif il-kelma “kriżi” ma tfissirx biss xi ħaġa li trid tingħeleb, iżda tinkludi wkoll investigazzjoni u għarbiel tal-essenzjal. Jitkellem dwar ir-rabja li xi drabi jħoss il-bniedem fil-konfront tal-affarijiet kif inhuma u l-kuraġġ li jrid ikollu biex ibiddel l-affarijiet.

“Dmir tal-Insara li jgħin jinfetħu orizzonti ġodda”

Skont l-Isqof Grech, id-don tat-tama huwa dmir tal-Insara biex jgħinu lis-soċjetà tiftaħ orizzonti u proġetti ta’ tama. Jgħid li għalkemm it-tama Nisranja ma sserraħx fuq sistema ta’ ħsieb imma fuq Alla, xorta hija tama umana.

“Biex ikollna Ewropa bħala għajn ta’ tama”

Mill-ġdid ikkwota lill-Papa Franġisku meta ndirizza lill-mexxeja Ewropej u ħeġġiġhom biex jagħmlu mill-Ewropa “għajn ta’ tama”. Temm jgħid li dan jista’ biss jinkiseb jekk il-bniedem ikun fiċ-ċentru u l-qalba tal-istituzzjonijiet u tkompli tissaħħaħ is-solidarjetà.