Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Jekk se ssiefer fis-17 t’Awwissu li ġej...

Stefan  Pullicino  -  12/08/17 10:16 AM

Ħekk kif bħalissa ħafna Maltin qed jippakkjaw il-bagalja għall-vaganza tagħhom tas-sajf, il-ħaddiema tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ilestu għall-iktar żmien bieżel tas-sena.

L-aktar ġurnata bieżla ta’ din is-sena fl-ajruport se taħbat il-Ħamis 17 t’Awwissu fejn f’din il-ġurnata biss, mistennija jgħaddu 26,000 passiġġier mill-ajruport. Dawn se jtiru fuq 167 titjira li hemm skedati għal din il-ġurnata.

Għalhekk l-MIA elenkat sensiela ta’ suġġerimenti għal kull min qed jippjana biex jsiefer f’dawn il-jiem ħalli ma jitnaqqsu l-problemi.

Fost dawn qed tirrikmanda li passiġġieri għandhom jaslu l-ajruport tal-inqas sagħtejn qabel it-titjira, preferibilment permezz ta’ taxi, u jagħmlu l-onlajn check-in mid-dar. Dawn huma importanti biex jiġi ffrankat il-ħin biex issib tipparkja jew li toqgħod tikkjuwja għaċ-check-in.

Għalhekk tajjeb li jkollok il-pass ipprintjat minn qabel, jew tal-inqas kopja tiegħu fuq il-mowbajl.

L-MIA tħeġġeġ lill-passiġġiera biex jiċċekkjaw minn qabel il-piż massimu ta’ bagalji li jistgħu iġorru, ilestu għall-iskrining tas-sigurtà billi jneħħu ċ-ċintorin u jbattlu l-bwiet minn qabel.

Tgħid ukoll li għandhom jitneħħew oġġetti bil-ponta u likwidi li jaqbżu l-100 millilitru mill-bagalja li tinġarr fl-idejn.

Fl-iktar ġurnata bieżla tas-sena, l-MIA qal li ħaseb biex jitqassmu xarbiet kesħin u affarijiet żgħar tal-ikel lill-passiġġieri fl-ajruport.