Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

L-hekk imsejħa gentlemen's clubs: Il-Gvern ma jikkonsultax

12/08/17 08:24 PM

Dr Anna Borg, membru tal-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa Maltin kif ukoll Ronald Axisa, sid ta’ wieħed tal-hekk imsejħa gentlemen’s clubs qalu li ma ġewx ikkonsultati dwar ir-regolamenti ġodda li qed jitħejjew dwar l-istess gentlemen’s clubs.

Waqt il-programm Newsline fuq RTK, Dr Anna Borg qalet li min-naħa tal-Gvern ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni fuq din it-tema.  Spjegat li l-Gvern qed joqgħod fuq konsulent wieħed biss li ġej mill-qasam tat-turiżmu. Madanakollu saħqet li minflok għandu jagħmel diskussjoni serja u mhux jisma’ biss mis-sidien ta’ dawn il-klabbs.

Kompliet tgħid li l-Gvern mhux jirriċerka u lanqas qiegħed jieħu s-suġġett bis-serjetà, waqt li saħqet li jekk irid jilleġiżla dwar din it-tema, l-ewwel għandu jagħmel riċerka dwarha.

Dr Borg fakkret li kien sar forum mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca bejn akkademiċi u rappreżentanti tal-għaqdiet tan-nisa, fejn kien hemm qbil li l-prostituzzjoni m’għandhiex tiġi regolarizzata.

Min-naħa tiegħu, Ronald Axisa spjega li fil-leġliżlatura l-oħra kellu laqgħa mal-Ministru Owen Bonnici dwar regolarizzazzjoni ta’ dan is-settur. Żied jgħid li minkejja li talab laqgħa mal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi madankollu sa issa għadu ma ngħatax appuntament.

Fil-jiem li għaddew il-Ministru Mizzi qal li r-regolamenti ġodda dwar l-operat tal-istabbilimenti tal-hekk imsejħa gentlemen’s clubs se jdaħħlu kontroll ta’ x’jiġri u ma jiġrix f’dawn l-istabbilimenti.

Dwar dan, il-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa kienet irreaġixxiet fi stqarrija, fejn qalet li l-Ministru qed iżomm mas-sidien tal-clubs biex tinħoloq distinzjoni immaġinarja bejn l-istrip clubs u l-prostituzzjoni.