Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
AĦNA MHUX SE NISKTU   |  Il-President tilqa' lis-Soċjetà Ċivili; Jitolbu r-riżenja mmedjata tal-Kummissarju u l-AĠ   |  "Mhux eskluż li l-assassinju kien ikkummissjonat minn politiċi" - Oħt DCG   |  Ritratti: Quddiem id-Depot isejħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

“Fil-baġit li jmiss se nibdew inwettqu l-proposti” – Joseph Muscat

Yendrick  Cioffi  -  13/08/17 12:43 PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Baġit li jmiss se jkun jinkludi numru ta’ miżuri li kienu parti mill-programm elettorali tal-Partit Laburista.

Waqt kollegament telefoniku fuq One Radio, il-Prim Ministru qal li r-rating tal-aġenziji tal-kreditu Fitch turi li l-ekonomija hija waħda b’saħħitha u li għalhekk il-Gvern jinsab f’pożizzjoni li jwettaq l-ewwel grupp ta’ proposti.

Dwar ir-rating ta’ Fitch, li għolliet lil Malta min A għal A+, Dr Muscat qal li dan se jfisser aktar investiment barrani u opportunità għall-Gvern biex ikun jista’ jissellef minn swieq internazzjonali b’rati tal-imgħax aktar baxxi.

Il-Mexxej Laburista spjega li meta investitur barrani jkun irid jiddeċiedi fejn se jinvesti flusu, se jagħżel pajjiż li huwa stabbli u joffri opportunitajiet ta’ tkabbir u għalhekk jagħti kas ir-ratings ta’ dawn l-aġenziji.

Kompla jispjega li l-istess jgħodd għar-rati tal-imgħax meta l-Gvern jissellef minn swieq barranin. Saħaq li stabbilità tfisser inqas riskju u għalhekk ir-rati jkunu aktar baxxi.

Irrefera wkoll għall-prezz tal-propjetà u l-kirjiet li dejjem qed jogħlew u qal li jifhem li ħafna familji, l-aktar dawk bi dħul baxx, ma jistgħux ilaħħqu. Fakkar fl-iskema mnedija din il-ġimgħa fejn il-Gvern se jkun qiegħed jikri mingħand il-privat biex imbagħad jerġa’ jikri bi prezz sussidjat lil dawk li qed ifittxu akkomodazzjoni affordabbli.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-artiklu tal-Financial Times u li faħħar l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Malta. “Din hija prova ta’ kif dan il-Gvern jagħmel l-affarijiet bis-serjetà” temm jgħid Joseph Muscat.