Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Maġistrat Joe Mifsud jisma' mill-President

Yendrick  Cioffi  -  13/08/17 08:15 AM

F’sentenza, il-Maġistrat Joe Mifsud laqa’ t-talba li kienet għamlet il-President tar-Repubblika, Marie-Louise Coleiro Preca, waqt il-gradwazzjoni ta’ għaxar persuni li għelbu l-vizzju tad-droga u temmew il-programm tal-Caritas.

Fit-23 ta’ Ġunju li għadda, il-President semmiet id-diffikultà li jgħaddu minnha żgħażagħ u adulti li jtemmu b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga u jkun għad għandhom każijiet pendenti l-Qorti.

Dakinhar, il-President kienet talbet lill-awtoritajiet biex jindirizzaw din il-problema u biex jagħtu l-appoġġ lil dawn iż-żgħażagħ u adulti.

Fil-każ ta’ Michael Camilleri, li lura fl-2012 kien tressaq il-Qorti akkużat li ffroda u seraq €140,500 lil raġel ieħor, li kien webblu jidħol “f’negozju,” miegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud ikkwota minn dan id-diskors tal-President u iddeċieda li ma jagħtix piena ta’ ħabs effettiva.

Id-deċiżjoni tal-Maġistrat

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat innota li għal dawn l-aħħar xhur, l-akkużat “mexa fi triq it-tajba,” wettaq  programm ta’ rijabilitazzjoni u llum qiegħed irabbi l-erbat itfal tiegħu.

Mifsud irrefera wkoll għat-trawma li għadda minnha l-akkużat, meta ftit tax-xhur ilu, tilef il-ħuh.

Fatti dwar il-każ

Il-każ ta’ Michael Camilleri seħħ f’Mejju tal-2012 meta ħabib tiegħu kien qabbdu ma’ raġel ieħor minn Birżebbuġa, biex flimkien jagħmlu biċċa “negozju.”

Camilleri kien talab lil dan ir-raġel €200,000 u qallu li se jeħodhom f’garaxx, idaħħal bejniethom karti suwed, iħallat kimika magħha u mal-lejl jidduplikaw.

Dan ir-raġel kien qallu li jista’ jagħtih biss €140,500 u Camilleri aċċetta.

Iltaqgħu nhar is-26 ta’ Mejju ħdejn ir-rawndebawt tal-Port Ħieles ta’ Birżebbuġa u ftehmu li jiltaqgħu l-għada, fl-istess post, biex jagħtih il-flus iżda l-għada ma tfaċċa ħadd u meta ċempel, vuċi femminili qaltlu li Camilleri kien arrestat.

Ir-raġel issuspetta ħażin, mar il-garaxx tal-akkużat u sab biss karti suwed.

Is-sentenza tal-Maġistrat Joe Mifsud

Il-Qorti sabet lill-imputat ħati u poġġietu fuq ordni ta’ probation għal perjodu ta’ erba' snin u ġew imposti fuqu numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom li jagħti lill-uffiċjal tal-probation kampjun tal-awrina biex minn żmien għal żmien isiru testijiet għall-preżenza ta’ sustanzi illegali.

Il-Qorti ordnatlu wkoll li jħallas is-somma ta’ €4,732 għall-ispejjez tal-Qorti.