Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

Ritratti: L-eqdem vara titulari f'Malta lura l-Isla wara restawr u konservazzjoni

Yendrick  Cioffi  -  13/08/17 09:28 AM

Ilbieraħ is-Sengleani laqgħu lura l-istatwa titulari ta’ Marija Bambina wara xogħol ta’ restawr u konservazzjoni li sar fuqha matul dawn l-aħħar xhur.

Din il-vara hija l-eqdem waħda fil-gżejjer Maltin u l-istorja tagħha tmur lura kważi 400 sena.

Ta’ min jgħid li skont it-tradizzjoni u anke sors li nstab f’manuskritt fl-arkivji tal-parroċċa, l-istatwa kienet instabet fil-baħar flimkien ma' bċejjeċ oħra ta’ bastiment, lura fis-seklu 17.

L-istatwa kienet ittellgħet fuq bastiment li kien għaddej viċin gżejjer li llum jiffurmaw parti mill-Kroazja. Abbord dan il-bastiment kien hemm żewġ passiġġieri mill-Isla u talbu lill-kaptan tal-vapur biex l-istatwa tingħata lill-parroċċa tagħhom.

Din kienet ingħatat lill-Kappillan Cosimo Talavera fl-1618. Fl-1804, l-iskultur Mariano Gerada kien għamillha bażi ġdida li tinkludi sħaba u numru ta’ anġli u bejn l-1984 u l-1996 l-istatwa kienet tlibset bi pjanċi tad-deheb u l-fidda, xogħol Giovanni Bartolo.

Ix-xogħol sar mill-kumpanija Atelier del Restauro li ġabet il-vara fl-istat oriġinali tagħha minħabba li matul is-snin saru diversi interventi fuqha.

Fost affarijiet oħra, ir-restawraturi Maria Grazia Zenzani u Valentina Lupo ordnaw li jsir CT-Scan u X-Ray bil-għan li jaraw aħjar il-ħsara fl-injam u s-saffi differenti ta’ żebgħa.

Fost affarijiet oħra, l-istudju sab li l-vara, inkluż rasha, saret minn zokk sħiħ ta’ siġra tal-lajm. Dan l-injam huwa l-aktar użat għall-istatwi devozzjonali.

B’kollox tneħħew erba’ saffi ta’ żebgħa, frott interventi oħra li saru fis-snin li għaddew.

Il-vara nkixfet ilbieraħ wara quddiesa solenni fil-Bażilika tal-Isla. Għal dawn il-jiem, il-vara se tkun esposta fil-knisja mingħajr il-kuruna, ir-raġġiera, il-pedistall u l-bradella, biex hekk wieħed ikun jista’ jammira aħjar ix-xogħol u jara l-vara mill-viċin.

Il-vara tinħareġ kull sena f’purċissjoni nhar it-8 ta’ Settembru meta l-Knisja tiċċelebra s-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Marija, magħrufa mal-Maltin bħala l-Bambina.


Ritratti: Atelier del Restauro u Stefan Azzopardi White