Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Awdjo: "Diġà hemm ħafna kriminalità: Iżżiduhiex bil-'gentlemen's clubs'"

Matthew Borg  -  16/08/17 01:25 PM

“Ma jagħmilx sens, u huwa ta’ periklu kbir, li post ta’ divertiment bħal Paceville jkun miżgħud bl-hekk imsejħa gentlemen’s club, meta barra hemm tfajliet minuri u anki familji”.

Dr Anna Borg, mill-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa Maltin (MCWO), sostniet dan waqt il-programm Newsline fuq RTK, meta tkellmet dwar id-diskors li qed jiċċirkola bħalissa dwar ir-regolarizzazzjoni kemm tal-prostituzzjoni, kif ukoll issa ta’ dawn il-klabbs.

Ir-regolarizzazzjoni tal-prostituzzjoni kienet wegħda elettorali tal-Partit Laburista, u riċentement il-Gvern qed jitkellem ukoll dwar il-gentlemen’s clubs.

Dr Borg saħqet li dan ma ġarax b’kumbinazzjoni, u tara rabta sfiqa bejn dawn iż-żewġ affarijiet, anzi tistaqsi għaliex f’daqqa waħda qed nitkellmu tant fuq il-prositutuzzjoni meta l-mara f’Malta għandha radam ta’ sfidi oħra.

Hija tħossha xettika dwar għall-interess ta’ min, tqajmu dawn is-suġġetti b’dal-mod.

Esprimiet it-tħassib tagħha dwar kemm ir-regolarizzazzjoni tal-gentlemen’s club tkun effettiva. Sostniet li ħadd ma jkun miegħek fil-kmajra li fiha dawn in-nisa jiżfnulek kważi mingħajr ħwejjeġ.

Kompliet bil-perikli li dawn l-istrutturi jġibu magħhom, ewlenija fosthom li huma t-triq biex persuna taqbad it-triq tal-prostituzzjoni.

Tkellmet ukoll dwar l-irġiel li huma attirati lejn il-klabbs. Qalet li dawn l-ewwel jiġu mqanqla mbagħad jintbagħtu lura fit-toroq ta’ Paceville, fejn hemm tfajliet żgħar. Sostniet dan l-argument billi qalet kif ir-rata ta’ kriminalità f’din il-lokalità hija ħames darbiet ogħla minn irħula oħra.

“Mhux impjieg li tniżżel fis-CV biex tipprogressa fil-karriera”

Dr Borg enfasizzat li d-diskors tal-konfederazzjoni mm jaspirax li jkun wieħed morali, iżda ġlieda kontra l-vjolenza u favur messaġġ pożittiv lit-tfajliet li telgħin.

Ikkritikat lill-Gvern talli jalloka €20,000 biss fis-sena biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-persuni f’Malta, hija u tikkwota mid-dokument Trafficking in Persons Report 2017 maħruġ mill-Uffiċċju tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan.

Semmiet ukoll kif il-konsulent tal-Gvern dwar dan is-suġġett huwa wkoll konsulent li jaħdem fil-qasam tat-turiżmu. Hawnhekk wissiet lill-Gvern sabiex meta jasal għall-konklużjonijiet, ma jismax qanpiena waħda, dik tal-kummerċ u l-flus.

Is-sistema Nordika

F’għadd ta’ pajjiżi Nordiċi titħaddem is-sistema fejn min jitlajja għall-prostituzzjoni ma jitqiesx bħala kriminali, filwaqt li jingħata mezzi oħra jekk juri x-xewqa li jrid toħroġ minn din id-dinja.

Iżda jitqiesu kriminali dawk il-persuni li jixtru persuni oħra bil-għan li jġegħluhom jipprostitwixxu ruħhom.

L-MCWO kienet qalet li jkun aħjar li Malta taddotta din is-sistema, li ġabet riżultati pożittivi fl-Iżvezja, l-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Iżlanda, iżda anki Franza u l-Kanada.

Dr Borg sostniet li l-istudji juru li finalment is-sistema tipproteġi lil nies vulnerabbli li jsibu ruħhom fil-prostituzzjoni, iżda wkoll tip ta’ rġiel li jfittxu dan it-tip ta’ servizz.

Irreferiet għall-mudell fi Franza li impona pieni ħorox fuq min b’għemilu, jressaq lill-persuni lejn it-triq tal-prostituzzjoni.

Waqt l-istess programm, Dr Anna Borg, kif ukoll Ronald Axisa, sid ta’ wieħed tal-hekk imsejħa gentlemen’s clubs, qalu li ma ġewx ikkonsultati dwar ir-regolamenti ġodda li qed jitħejjew dwar dawn il-klabbs.