Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

Inkjesta Panama: L-appell jinstema’ fil-magħluq; “L-Imħallef Mizzi m’għandux jisma’ l-appell” – Busuttil

Alvin  Vassallo  -  16/08/17 11:41 AM

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li l-Imħallef Antonio Mizzi, ir-raġel tal-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Marlene Mizzi, m’għandux jibqa’ jisma’ l-appell tal-inkjesta kriminali dwar jekk il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith  Schembri kisrux il-liġi tal-ħasil tal-flus meta fetħu l-kumpaniji fil-Panama.

Dalgħodu l-Imħallef Antonio Mizzi sema’ fil-magħluq l-appell li ressqu l-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u l-Ministru Mizzi.

L-Imħallef Mizzi talab lill-ġurnalisti biex iħallu l-awla u aċċetta biss li jibqgħu ġewwa lil Simon Busuttil u l-avukat tiegħu. Uffiċjali oħra tal-Partit Nazzjonalista ġew mitluba joħorġu wkoll.

L-appell tressaq mis-seba’ persuni li nfetħet l-inkjesta fil-konfront tagħhom: il-Prim Ministru, Keith Schembri, Konrad Mizzi, is-sidien ta’ Nexia BT Brian Tonna u Karl Cini, l-impjegat ta’ Kasco Limited Malcolm Scerri u l-eksdirettur maniġerjali ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman.

Fuq Twitter, Dr Busuttil kiteb li “s-suspettati qed jisħqu li l-appell għandu jiġi deċiż mill-Imħallef li hu miżżewweġ MEP Laburista”. Huwa staqsa jekk din hix ġustizzja.

F’kummenti li ta wara li ħareġ mill-Qorti, Dr Busuttil qal li ħadd mhu jattakka l-Qrati jew lill-Imħallef Mizzi. Saħaq iżda li l-fatt li l-Imħallef Mizzi hu żewġ Marlene Mizzi ma tgħinx biex ma jinħolqux dubji dwar il-każ.

Huwa fakkar li Marlene Mizzi kienet atttakkatu fil-passat dwar il-Panama Papers. Tenna li Marlene Mizzi tifforma parti mill-partit politiku, li l-mexxej tiegħu huwa wieħed mis-suspettati.

Fakkar ukoll li fl-2005 l-Imħallef Mizzi kien diġà ntalab biex ma jismax każ kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia minħabba raġuni simili. Tenna li huwa kien aċċetta mingħajr ebda problemi.

Il-każ se jkompli jinstema’ fil-11 ta’ Settembru, fejn dakinhar iridu jattendu l-Prim Ministru, Keith Schembri u Konrad Mizzi.