Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Aħsiblu bil-lest għall-maltemp li ġej

Leon  Xuereb  -  10/09/17 01:39 PM

Hekk kif Settembru beda, żmien ix-xita u maltempati qed jibda jirranka wkoll.

Wara l-ewwel maltempata f’jum il-festa tal-Vitorja, wieħed jibda jaħseb x’għandu jagħmel biex jilqa’ kemm jista’ kontra l-maltemp.

Il-paġna tat-temp fuq Facebook Gozo Weather Page ħarġet stqarrija b’avviżi u suġġerimenti ta’ kif wieħed jista’ jagħmel dan.

Dawn jinkludu:

  • Sewwi xquq li jista’ għandek fil-ħitan jew saqaf.
  • Iċċekkja li l-kisi tal-bejt għandux bżonn jerġa’ jkun issiġillat.
  • Ara li l-katusi huma nodfa u mhux imblukkati b’xi ħmieġ.
  • Iċċekkja li ġewwa m’għandekx postijiet fejn jista’ jnixxi l-ilma.
  • Ħu ħsieb li tagħlaq il-bibien u t-twieqi sew, speċjalment twieqi tal-injam li fis-Sajf jista’ jkun li jintefħu bis-sħana.
  • Neħħi kwalunke oġġett li jista’ jkun hemm viċin tad-dar li jista’ jikkaġuna għargħar jew ħsara f’każ ta’ riħ qawwi.
  • Iċċekkja l-basement.
  • Żomm apparat elettroniku fl-għoli biex tevita l-periklu f’każ ta’ għargħar.
  • Jekk prevista ħafna xita naqqas mill-ilma tal-pool biex tevita għargħar fil-bitħa.
  • Naddaf il-bir.
  • Prepara post sigur ġewwa fejn tista’ żżomm il-vettura f’każ li temp sever ikun previst.
  • Iftaħ il-bir biex jinġabar l-ilma għal meta tiġi bżonn, minflok tħallih jinħela.

Sadnittant aktar kmieni llum is-sit tat-temp First Malta avża li llum ir-riħ mistenni jżid sa ma jilħaq Forza 6 direzzjoni mix-Xlokk.

Skont l-istess sit għalkemm illum it-temp se jkun xemxi, tard filgħaxija u matul il-lejl għandna nistennew xi ħalbiet ta’ xita li u anke sajjetti.

Dan hekk kif viċin il-gżejjer Maltin se tinħoloq maltempata.

Madanakollu m'għandniex għalfej nallarmaw ruħna għax din il-maltempata mhix se tolqotna dirett u l-ammont ta’ xita m'għandux ikun kbir daqs dak ta' jumejn ilu.

Għal dawk li dan it-temp ma tantx jieħu gost bih, il-ġimgħa d-dieħla se jkunu għal qalbhom hekk kif skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport ta' Malta sa nhar is-Sibt it-temp ħa jkun bnazzi b'xi ftit sħab biss kultant.

Tista' tara hawnhekk ritratti u filmati tal-effetti li ħalliet l-ewwel maltempata fuq il-Gżejjer Maltin nhar il-festa tal-Vitorja.