Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"Il-Knisja mhix tagħna iżda ta’ Alla" - il-Papa

Yendrick  Cioffi  -  10/09/17 04:02 PM

Il-Papa Franġisku qal li timxi wara Ġesu ma jfissirx li tosserva sett ta’ regoli u li tkun paralizzat mill-interpretazzjoni tal-liġi.

"Ma nistgħux inkunu Insara li l-ħin kollu nuru lill-oħrajn sinjal li jgħidilhom “tidħlux.” L-anqas ma jfisser li nqisu li aħna sidien ta’ spazji ta’ ħaddieħor.”

Huwa żied jgħid li “l-Knisja mhix tagħna iżda ta’ Alla. Huwa s-sid tat-tempju. Hemm post għal kulħadd. Kulħadd huwa mistieden.”

Il-Papa kien qed jitkellem f’Medellin, fil-Kolumbja. Medellin sofriet ħafna vjolenza għax snin ilu kienet il-belt li kien juża l-baruni kbir tad-droga Pablo Escobar. Hija wkoll l-aktar belt importanti għall-Knisja Kattolika.

Franġisku qal li l-Knisja mhux xi uffiċċju tad-dwana. Il-Knisja għandha l-bibien tagħha miftuħa beraħ għax “il-qalb ta’ Kristu mhux biss hija miftuħa iżda hija minfuda bl-imħabba.”

Li tkun dixxiplu, għall-Papa jfisser li tagħmel esperjenza tal-preżenza ta’ Alla u l-ħin kollu tifforma ruħek billi tisma’ l-kelma li titwassal lilna permezz tal-ħtiġijiet konkreti tal-oħrajn.

Huwa ħeġġeg lill-aktar minn miljun persuna li kienu jisimgħuh biex ma jibżgħux mit-tiġdid. Il-Knisja, qal il-Papa, dejjem teħtieġ tiġdid b’għeruq fil-fidi u fil-Vanġelu.

Il-Papa żied li l-libertà li jagħti Kristu tikkuntrasta man-nuqqas ta’ libertà tad-dutturi tal-liġi ta’ żmienu li fi kliemu kienu pparalizzati bl-interpretazzjoni rigoruża tal-liġi.

Franġisku kkonkluda l-omelija billi ħeġġeġ lill-Kolumbjani biex ikunu dixxipli missjunarji li jaraw ir-realtà ta’ madwarhom bl-għajnejn u l-qalb ta’ Kristu.