Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-ewwel sinjali ta' tama għall-Kolumbjani; il-Papa b'velja storika għar-rikonċiljazzjoni

Yendrick  Cioffi  -  10/09/17 07:55 AM

Il-Papa Franġisku kompla bil-vjaġġ tiegħu fil-Kolumbja b’velja storika li matulha sar talb għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali.

Għal dan is-servizz ta’ talb attendew madwar 6,000 persuna, fosthom vittmi tal-gwerra ċivili li ilha għaddejja għexieren ta’ snin u anke eksmembri ta’ milizzji u militanti.

“Kont ilni ħafna nistenna dan il-mument sa minn dak il-ħin li rfist fuq din l-art,” qal il-Papa Franġisku.

Il-motto tal-vjaġġ li qed jagħmel il-Papa Franġisku huwa “Ejjew nagħmlu l-ewwel pass,” lejn ir-rikonċiljazzjoni. Inqas minn 48 siegħa wara li l-Papa wasal fil-Kolumbja, diġà qed jidhru l-ewwel sinjali ta’ tama.

Mexxejj ta’ grupp ta’ ribelli, magħruf bħala Farc, bagħat ittra lil Papa jgħidlu: “Il-messaġġ tiegħek dwar il-ħniena infinità ta’ Alla ħeġġet fiha x-xewqa li nitolbok maħfra għal kull demgħa ta’ tbatija li kkawżajna lill-poplu Kolumbjan.” Ħafna, xorta waħda huma xettiċi mis-sinċerità ta’ din l-ittra.

Minkejja dan, f’pajjiż li fih jinqatlu minn tal-inqas tliet persuni kuljum fil-ġlied, is-Sindku tal-kapitali Bogotá kien irrappurtat jgħid li kemm ilu hemm il-Papa, ma kien irrappurtat l-ebda ġlied u l-ebda qtil.

Matul il-vejla tkellmu diversi persuni li qasmu mal-Papa u dawk preżenti l-esperjenza tagħhom. Fost dawn tkellmet mara li missiera nqatel meta kellha sitt snin, l-ewwel raġel tagħha nqatel meta binthom kellha xahrejn, ħadmet bħala Pulizija iżda kellha titlaq minħabba t-theddid u bintha nħatfet minn grupp militanti u sabet ġisimha bla ħajja seba’ snin wara.

F’appell imqanqal wara li sema dawn l-esperjenzi, il-Papa saħaq li l-vjolenza ġġid vjolenza, il-mibegħda ġġib mibegħda u l-mewt il-mewt u ħeġġeġ lill-Kolumbjani biex ipoġġu t-tbatija tagħhom f’riġlejn Ġesù Kurċifiss.

“Jekk t-tbatija tagħkom tkun magħquda mat-tbatija ta’ Ġesù din se tinbidel f’barka u maħfra li tkisser iċ-ċiklu ta’ vjolenza li ħataf il-Kolumbja,” temm jgħid l-Papa.