Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Il-Knisja tħeġġeġ għal turiżmu b’wiċċ uman

Josianne  Camilleri  -  11/09/17 11:19 AM

F’messaġġ għall-Jum Dinji tat-Turiżmu li jitfakkar fis-27 ta’ Settembru, il-Prefett tad-Dikasteru għas-Servizz ta’ Żvilupp Uman Sħiħ qal li l-Knisja qed tniedi inizjattivi li verament iqiegħdu t-turiżmu fis-servizz tal-iżvilupp sħiħ tal-persuna.

Il-Kardinal Peter Kodwo Appiah Turkson qal li huwa għalhekk li l-Knisja titkellem dwar turiżmu b’wiċċ uman, “li jissostanzja ruħu bi proġetti ta’ turiżmu tal-komunità, bil-kooperazzjoni, is-solidarjetà, u wkoll l-apprezzament tal-wirt artistiku kbir, li huwa triq vera u proprja tas-sbuħija.”

Il-messaġġ ikompli li l-Insara jridu joffru l-kontribut tagħhom  biex it-turiżmu jkun jista’ jgħin l-iżvilupp tal-popli, speċjalment dawk l-iktar żvantaġġjati.

Jispjega li quddiem il-ġid tad-dinja, il-bniedem ma jaġixxix bħala sid, imma bħala “amministratur responsabbli”.

Il-messaġġ isemmi kif l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu qed tmexxi ’l quddiem it-turiżmu sostenibbli. Dan ifisser li t-turiżmu jrid ikun responsabbli u mhux qerriedi jew ta’ dannu  għall-ambjent jew għall-kontest soċjo-kulturali tal-lokalità.

Jispjega kif barra minn hekk, irid jirrispetta b’mod partikolari lill-popolazzjoni u l-wirt tagħha, bil-ħsieb li jiġu mħarsa d-dinjità personali u d-drittijiet tax-xogħol, speċjalment dawk tal-iktar żvantaġġjati u n-nies vulnerabbli.

Isostni li żmien il-vakanzi ma jistax ikun skuża għan-nuqqas ta’ responsabbiltà jew għall-esplojtazzjoni: fil-fatt, huwa żmien nobbli li fih kulħadd jista’ jżid il-valur tal-ħajja tiegħu stess u dik ta’ oħrajn. It-turiżmu sostenibbli huwa wkoll għodda ta’ żvilupp għall-ekonomiji f’diffikultà jekk isir mezz ta’ opportunitajiet ġodda u mhux qasam ta’ problemi.

Tista' taqra' l-messaġġ tal-Vatikan hawn taħt: