Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Papa jikkritika lil Trump

Matthew Borg  -  11/09/17 04:33 PM

Il-Papa Franġisku qal li l-President Amerikan, Donald Trump, mhuwiex favur il-ħajja daqskemm jipprova jagħti l-impressjoni li hu, kif ukoll iddeskriva lill-bniedem bħala “annimal li ma jismax” meta jibqa’ ma jagħtix kas ta’ dak li jgħidu x-xjenzati dwar l-ambjent.

Franġisku kien qed jitkellem mal-ġurnalisti f’waħda mill-konferenzi tal-aħbarijiet fuq l-ajruplan li sar magħruf għalihom, huwa u ġej lura mill-Kolombja.

Il-ġimgħa l-oħra Trump iddeċieda li jwaqqaf il-programm DACA, programm mibdi minn Obama fl-2012 sabiex jiġu protetti żgħażagħ li m’għandhomx dokumenti milli jiġu ddeportati.

Dawn huma żgħażagħ li ddaħħlu fl-Istati Uniti tfal b’mod illegali mal-familja tagħhom.

“Jekk Trump huwa favur il-ħajja, mela messu fehem li l-familja hija l-qalba tal-ħajja, u għalhekk għandu jipproteġiha”, qal lil ġurnalist Messikan.

Franġisku qal li l-aktar li hu mħasseb għal żgħażagħ li minħabba deċiżjonijiet bħal dawn, jispiċċaw maqlugħa mill-għeruq, jitilfu l-aptit għall-ħajja, u jikkontemplaw saħansitra s-suwiċidju.

Din mhix l-ewwel darba li Franġisku staqsa dwar il-validità tal-Kristjanità tal-president.

Il-Papa ġie mistoqsi wkoll dwar it-tibdil fil-klima, u anki kif kiteb hu stess fl-enċiklika, Laudato Si, wieġeb li l-bniedem irid jafda fl-eżattezza tax-xjenza li qed turina xi ħsara għamilna lill-ambjent, u t-triq li rridu nieħdu.

F’Ġunju li għadda, Trump iddeċieda li joħroġ lill-Istati Uniti mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015.

Franġisku temm jgħid, “Il-bniedem huwa stupidu meta jiddeċiedi i jara biss dak li jaqbillu”.