Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Li tagħżel is-sess li trid hu kontra dak li ħalaq Alla

.     -  11/09/17 08:00 AM

F’laqgħa li kellu dan l-aħħar ma’ Isqfijiet Pollakki, il-Papa Franġisku qal li dik li hu jsejjaħ “It-Teorija tal-Ġeneru” – li kulħadd jista’ jagħżel is-sess tiegħu – hi eżattament l-oppost ta’ dak li ħalaq Alla.

Sfortunatament hemm ħafna istituzzjonijiet b’saħħithom  li qed jiffinanzjaw it-tixrid ta’ din it-teorija terribbli.

Il-Papa qal li ddiskuta din il-problema wkoll mal-Papa Emeritus Benedittu XVI li qallu “Qed ngħixu fi żmien ta’ dnub kontra Alla l-Ħallieq”.

Papa Franġisku qal li ħafna drabi dan id-dnub qed isib l-appoġġ finanzjarju ta’ pajjiżi influwenti ħafna u din hi forma ta’ kolonizzazzjoni ideoloġika.

“Illum, it-tfal qed jitgħallmu fl-iskola li kulħadd jista’ jagħżel is-sess tiegħu. U għaliex qed jgħallmu dan? Għax il-kotba li fihom dan it-tagħlim ġejjin minn dawk l-istituzzjonijiet u l-persuni li qed jagħtu l-flus biex tixtered din it-teorija”, sostna l-Papa.

“Alla ħalaq ir-raġel u l-mara; hemm ħalaqha d-dinja u aħna qed nagħmlu eżatt il-kuntrarju”.

Il-Papa rabat it-teorija tal-ġeneru mal-esplojtazzjoni tal-bniedem u tad-dinja naturali. Dan ġej min-nuqqas ta’ apprezzament għad-dinjità tal-bniedem kif mogħtija minn Alla.

“Din hi problema globali: l-esplojtazzjoni tal-ħolqien u tan-nies. Qed ngħixu fi żmien fejn il-bniedem fix-xbieha ta’ Alla qed ikun fgat. Dan kollu wassal għal gwerer, għal faqar u issa għall-kriżi tal-immigrazzjoni”.

Fl-Enċiklika tiegħu Laudato Si, il-Papa wkoll jorbot l-esplojtazzjoni umana mat-teorija tal-ġeneru. Hu kkritika x-xewqa li nħassru id-differenzi sesswali u qal “naħsbu li għandna poter assolut fuq ġisimna u bil-mod il-mod qed nibdew naħsbu li għandna poter assolut anke fuq il-ħolqien.

Dwar l-emigranti il-Papa qal lill-Isqfijiet Pollakki li kull gvern irid iwieġeb għal din il-kriżi skont is-sitwazzjoni u l-kultura tal-pajjiż individwali. Iżda kulħadd irid ikollu qalb miftuħa u jkun lest li jirċievi emigranti. Dan hu assolut.  Hu ħeġġeġ lill-Polonja, fejn hemm reżistenza qawwija għall-emigranti, biex tilqa’ lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerer u mill-ġuħ.