Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Esklussiva: Ritratt tal-avukat ta’ Delia ‘bil-fardal’; “Naqbel mal-istatut tal-PN kontra l-mażunerija” - Delia

Charmaine  Attard   -  12/09/17 03:56 PM

Newsbook.com.mt qed jiżvela ritratt esklussiv ta’ Dr Arthur Azzopardi waqt laqgħa tal-mażunerija. Il-laqgħa saret f’Villa Blye, f’Raħal Ġdid, Qed nippublikaw ukoll ritratt tas-sala fejn saret il-laqgħa.

Azzopardi li huwa l-avukat ta’ Dr Adrian Delia, kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien l-avukat li ddefenda lil Adrian Delia quddiem il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba Xierqa u Etika tal-PN, fid-dawl tal-allegazzjonijiet mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa wkoll l-avukat li qed jidher għal Dr Delia f’ħames libelli kontra l-istess ġurnalista.

Ilbieraħ, Dr Azzopardi, stqarr mas-sit Lovin Malta li kien membru tal-mażunerija għal madwar tliet snin, bejn l-2009 u l-2011, meta mbagħad tkeċċa mil-loġġa.

Huwa bagħat lil Lovin Malta, kopja tal-ittra li tkeċċa biha. L-ittra datata t-23 ta’ Frar 2011, iffirmata minn Tony Cilia Pisani, is-Segretarju Ewlieni ta’ Grand Lodge f’Malta, tgħid li r-raġuni ewlenija tat-tkeċċija, kienet minħabba li Dr Azzopardi ma kienx jaqbel ma’ deċiżjonijiet li ħadet il-Grand Lodge.

Ma’ Lovin Malta, Dr Azzopardi ddeskriva l-laqgħat tal-mażunerija bħala laqgħat normali fejn kulħadd ikun bil-ġlekk u l-ingravata, iżda xejn ikrah jew negattiv. Saħaq li ħafna membri bħalu, jipprattikaw ir-reliġjon Kattolika.

Qal li hu kien informa lil Dr Delia dwar il-passat tiegħu fil-mażunerija, u li Delia ma sabx problema għax m’għadux involut. Żied jgħid, li sa fejn jaf hu, Delia qatt ma kien fil-mażunerija.

F’kummenti li ta lil midja, Dr Delia dejjem qal b’mod emfatiku li huwa qatt ma kien membru tal-mażunerija. Sadanittant, waqt konferenza f'Buġibba illum, Delia ġie mistoqsi dwar il-mażunerija u qal li hu kontra gruppi sigrieti, u li dawn mhumiex ta' ġid għas-soċjetà.

Ilbieraħ Delia qal ma’ Lovin Malta, li huwa jaqbel mal-istatut tal-PN li jgħid li membri tal-PN ma jistgħux ikunu membri tal-mażunerija.

Il-kontroversja dwar il-politika u l-mażunerija f’Malta telgħet fil-wiċċ, wara li l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN Dr Karol Aquilina qal li “l-agħar ħaġa li tista’ tiġrilu partit politiku f’Malta, hi li jiġi maħkum mill-mażunerija”.

Wara storja li żvela Newsbook.com.mt dwar żewġt irġiel li fl-2015 tkeċċew awtomatikament mill-PN minħabba sħubija fil-mażunerija u li fil-jiem li għaddew dehru f’ritratt ma’ Dr Delia fil-każin tal-PN fil-Ħamrun, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Rosette Thake ordnat li jitneħħew mir-reġistru tat-tesserati u għaldaqstant mhux se jivvutaw nhar is-Sibt li ġej. Huma kienu laħqu vvutaw fl-ewwel fażi tal-votazzjoni, ikkontestata minn erba’ kandidati.