Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

“Ħdejn il-bini l-ġdid fis-Swieqi u Pembroke għandu jkun hemm spazju pubbliku” – Delia

Michela Catania  -  13/09/17 04:58 PM

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, saħaq li fejn qed jitla’ bini ġdid f’lokalitajiet bħas-Swieqi u Pembroke, għandhom jitħallew spazji vojta għall-pubbliku.

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Tas-Sliema, Dr Delia qal li fl-ibliet u rħula Maltin kollha jistgħu jiżdiedu l-ispazji pubbliċi jekk il-Gvern jippjana fit-tul.

Sostna li l-bini li tiela’ fil-Gżejjer Maltin irid jinbena b’mod sostenibbli sabiex ikun jista’ jgawdi kulħadd.

Biex ikun jista’ jseħħ dan, Dr Delia qal li jeħtieġ li jikkontribwixxu kemm periti u inġiniera esperjenzati, kif ukoll dawk li għadhom jilħqu.

Waqt il-konferenza, Delia tkellem fit-tul dwar l-anzjanità attiva. Huwa spjega li l-popolazzjoni madwar id-dinja, inkluż f’Malta, qed tixjieħ, hekk kif ikkwota studju li jgħid li sas-sena 2050, wieħed minn kull ħames persuno se jkun anzjan.

Kompla jgħid li issa li l-bniedem beda jgħix iktar fit-tul, jeħtieġ li jkompli jgħix fid-dinjità.

Għal din ir-raġuni, Dr Delia qal li jekk jiġi elett Kap tal-Oppożizzjoni, se jressaq diversi proposti biex jinkludi iktar lill-anzjani u l-pensjonanti Maltin u Għawdxin fis-soċjetà, u jgħinhom jgħixu ħajja iktar dinjituża.

Fost dawn il-proposti, Dr Delia semma li se jinfetħu bibien ġodda għal nies irtirati li jixtiequ jkomplu jaħdmu iżda b’sigħat iqsar, sabiex ikollhom dħul sigur u fl-istess ħin ma jaqtgħux mill-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum ħabta u sabta.

Minbarra dan, Dr Delia saħaq fuq l-importanza li tiġi sfruttata l-esperjenza tal-anzjani waqt il-ħin liberu tagħhom sabiex din jgħadduha liż-żgħażagħ li għadhom qed jitgħallmu. Għal din ir-raġuni, Delia stqarr li ċ-ċentri tat-tagħlim fil-kunsilli lokali għandhom jingħataw iktar appoġġ u għajnuna biex il-komunitajiet Maltin u Għawdxin ikomplu jibnu fuq pedamenti sodi u jissaħħu.