Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

“Ma nħossnix fi żvantaġġ għax Għawdxi” – Chris Said

Michela Catania  -  13/09/17 12:08 PM

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said saħaq li ma jħossux żvantaġġjat mat-tesserati Maltin minħabba li hu Għawdxi.

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Tas-Sliema, Dr Said żied jgħid li hu ma jiddistingwix bejn poplu Malti u Għawdxi, għax għalih hu poplu wieħed.

Mistoqsi mill-ġdid minn Newsbook.com.mt, Dr Said ċaħad li hu tkellem kontra l-avversarju tiegħu Dr Adrian Delia.  Huwa kien mistoqsi dwar dak li ġie kkwotat jgħid ilbieraħ fil-midja, li jekk it-tesserati jivvotaw lil Delia biex il-PN jirbaħ l-elezzjoni, se jkunu qed iħarsu sal-ponta ta’ mneħirhom.

Huwa qal li tkellem biss fuq dak li huwa jista’ joffri lill-partit tiegħu jekk jiġi elett bħala kap. Kompla jispjega li se joffri integrità sħiħa u għaqda fil-partit, filwaqt li jiftaħ il-bieb għal persuni, fosthom anzjani u pensjonanti, li lesti li joffru l-ħin u l-esperjenza tagħhom lill-partit.  ~ied jgħid li dawn jiffurmaw terz tal-popolazzjoni.

 “Korp ċass minn fuq nett”

Waqt il-konferenza Dr Said tkellem dwar il-Korp tal-Pulizija u saħaq li dan mhux jagħmel biżżejjed sabiex l-anzjani Maltin u Għawdxin iħossuhom siguri fi djarhom u jgawdu l-aħħar snin ta’ ħajjithom b’moħħhom mistrieħ.

Sostna li bħala Kap tal-PN, se jpoġġi lill-iktar nies vulnerabbli tas-soċjetà fiċ-ċentru tal-politika tal-partit.

Kompla jgħid, li l-anzjani u l-pensjonanti ma jixirqilhomx jgħixu f’sitwazzjoni fejn ma jħossuhomx siguri fil-bliet u rħula tagħhom, u li ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kull xhar minħabba l-pensjonijiet miżeri li jirċievu.

Dr Said stqarr li bħala Kap tal-Oppożizzjoni se joħloq diversi inizjattivi biex il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani titjieb. Fosthom, jintroduċi sistema fejn in-nanniet li jieħdu ħsieb in-neputijiet jingħataw kumpens finanzjarju, jipproponi li jitneħħew it-taxxi fuq il-pensjonijiet, u li jaħdem sabiex l-anzjani jingħataw il-flus lura meta jkollhom jixtru mediċini minn buthom minħabba li ma jitqassmux b’xejn.