Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Knisja ta' Ġieżu b'saqaf temporanju

Matthew Borg  -  13/09/17 12:51 PM

Il-Knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat tal-Imdina ngħatat saqaf temporanju sabiex jagħlaq it-tobqa li hemm fis-saqaf u jiġu evitati inċidenti oħra.

Dan is-saqaf temporanju, kif ukoll xogħlijiet oħra relatati mar-ristrutturar tal-knisja qed ikun possibbli, fost l-oħrajn, b’donazzjonijiet minn enitajiet oħra bħala parti mir-responsabbiltà korporattiva tagħhom.

Wieħed minnhom huwa l-BOV, li ppreżenta donazzjoni waqt iż-żjara tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Mario Mallia.

Tkellem mal-Provinċjal tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri f’Malta, Fr Richard Grech, li min-naħa tiegħu spjega li l-bqija tas-saqaf fuq il-fetħa tal-koppla tneħħa b’mod metikoluż biex tiġi evitata aktar ħsara.

“L-art tal-altar ukoll teħtieġ li tinbidel kompletament minħabba l-ħsara li sofriet bit-tunnellati ta’ tifrik li waqgħu fuqha”, kompla l-provinċjal.

Mallia rrimarka li l-BOV kien fost l-ewwel organizzazzjonijiet li wiegħed l-għajnuna tiegħu b’risq il-konservazzjoni ta’ dan it-teżor nazzjonali, filwaqt li sostna li l-patrimonju reliġjuż huwa pilastru fir-responsabbiltà korporattiva tal-bank.

AX Holdings ukoll offriet l-għajnuna tagħha lill-Patrijiet Franġiskani permezz ta’ għotja ta’ flus, u nkoraġġiet lil iktar nies u kumpaniji biex jagħmlu l-istess. 

Min irid jista’ jiddepożita donazzjoni fil- kont tal-BOV bl-IBAN MT43VALL22013000000040020868884 f’kwalunkwe Fergħa tal-BOV, jew permezz tal-BOV Internet Banking.