Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

Il-President b'appell favur il-ġustizzja soċjali

13/09/17 08:44 PM

Messaġġ tal-President ta' Malta

Malta se tospita t-13-il laqgħa tal-Grupp Arraiolos. Dan huwa forum annwali ta’ Presidenti Ewropej mhux eżekuttivi. L-Edizzjoni Maltija tal-laqgħa tal-grupp Arraiolos se tkun l-ikbar waħda.

Dan għaliex se jkunu qed jipparteċipaw 13-il President, u għall-ewwel darba se jipparteċipaw tliet Presidenti Ewropej nisa.

Din l-inizjattiva taf il-bidu tagħha fl-2003, fil-villaġġ Portugiż ta’ Arraiolos, permezz tal-Eks President tal-Portugall, l-E.T. Jorge Sampaio. Minn dak iż-żmien, din il-laqgħa kompliet tikber u tevolvi, kemm fid-daqs, kif ukoll fl-iskop tagħha.

Dan il-forum jipprovdi pjattaforma li, permezz tagħha, il-Presidenti Mhux Eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, jesploraw it-tħassib kurrenti li jkun qed jiżviluppa u li jkunu qed jiffaċċjaw il-popli Ewropej.

It-tema għal-laqgħa ta’ din is-sena ‘Crossing Borders’, hija stedina għall-Presidenti parteċipanti biex nirriflettu fuq kif l-Ewropa għandha terġa' tiskopri l-valuri soċjali ewlenin tagħha.  Arraiolos 2017 hi wkoll opportunità għall-Presidenti mhux eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, sabiex jagħtu aktar viżibilità lil temi partikulari li qed jiġu ffaċċjati mill-komunitajiet tagħna, mis-soċjetajiet tagħna u mir-reġjuni tagħna.

Is-sena 2017 qed tfakkar ukoll is-60 Sena Anniversarju tal-iffirmar tat-trattati ta’ Ruma, li fuqhom inbniet l-Unjoni Ewropea. Nemmen li huwa tassew essenzjali li aħna, bħala Presidenti, nużaw dan il-forum biex niddiskutu d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, u biex inkomplu naħdmu favur l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Jien konvinta li, bħala Presidenti, se nkunu qed niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq aspetti importanti tal-ġustizzja soċjali, fosthom il-fenomenu tal-immigrazzjoni, strateġiji għall-inklużjoni soċjo-ekonomika, u l-bżonn li nrawmu proċessi ta’ parteċipazzjoni demokratika, għall-ġid taċ-ċittadini u tar-residenti tal-pajjiżi tagħna.

Meta niffokaw fuq dawn l-isfidi kumplessi, inkunu qed naħdmu sabiex niżviluppaw djalogu profond billi, fuq naħa, nogħlew ‘il fuq mid-differenzi ta’ bejnietna, u fuq in-naħa l-oħra, nkunu qed noħolqu opportunitajiet ġodda ta’ ħbiberija u rispett reċiproku.

L-importanza li nindirizzaw it-tensjonijiet soċjali u l-inċertezzi politiċi li ħafna pajjiżi qed jiffaċċjaw, u li jimmanifestaw irwieħhom f’ħafna modi, ma tistax tiġi injorata. Hawnhekk nikkwota l-kliem ta’ ispirazzjoni ta’ Nelson Mandela, li qal li “l-edukazzjoni hija l-iktar arma b’saħħitha li inti tista’ tuża biex tbiddel id-dinja.”

Għal din ir-raġuni, jien nemmen li l-ewwel irridu nassiguraw sistema edukattiva ekwa, permezz tal-promozzjoni ta’ sistemi edukattivi inklussivi fl-Unjoni Ewropea. Dawn l-istrateġiji għall-edukazzjoni inklussiva fit-tul, iridu jseħħu flimkien ma’ aktar investiment lejn miżuri ta’ taħriġ immirati lejn żgħażagħ u ħaddiema bi ftit ħiliet.

Fl-Unjoni Ewropea għad hemm mal-11-il miljun ruħ li ilhom bla xogħol għal aktar minn sena. Din iċ-ċifra titlob azzjoni effettiva.

Il-ħtieġa għal policies ta’ kura tas-saħħa sostenibbli u ta’ kwalità għolja, trid tiġi enfasizzata wkoll. Dan biex jiġi assigurat li, il-maġġoranza tal-popolazzjoni jkollha aċċess għas-servizzi li jtawlu l-ħajja u jtejbu l-kwalità tal-ħajja, bl-inqas spiża possibbli.

Is-soluzzjoni f’dawn l-oqsma kollha m’għandhiex tkun soluzzjoni ta’ “one-size-fits-all.” Nemmen li biex nindirizzaw il-problemi li qed jaffettwaw lill-pajjiżi tagħna, jeħtieġ li nrawmu sens ta’ solidarjetà bejn il-ġnus u l-popli tagħna. Strateġiji innovattivi u l-qsim ta’ prattiċi siewja, għandhom jkunu ta’ prijorità.

Fil-ħidma tagħna kontra l-faqar, huwa essenzjali li l-faqar fost it-tfal jingħata prijorità mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Skont statistika maħruġa s-sena l-oħra fis-‘Social Justice in the EU Index Report,’ 26.9% tat-tfal u ż-żgħażagħ kollha fl-Unjoni Ewropea, jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Appoġġ finanzjarju permezz ta’ benefiċċji: bħal benefiċċju tal-housing, benefiċċji għat-tfal, rebate fuq it-taxxa għall-familji, u miżuri oħra, iridu jkunu effettivi flimkien ma’ investiment fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol.

Sadanittant, sfortunatament, id-dinja qed tara żieda f’diskors popolista aggressiv. Anke f’demokraziji li ilhom stabbiliti, u f’pajjiżi liberali, qed ikollhom jiffaċċjaw dan it-theddid. Din is-sitwazzjoni hija aggravata aktar fil-kuntest tal-immigrazzjoni, b'mod partikolari fir-Reġjun Ewro-Mediterranju tagħna.

Studji bħar-rapport riċenti mill-Organisation for Economic Cooperation and Development, jindikaw, bl-aktar mod ċar, li l-immigranti jammontaw għal 70% taż-żieda tal-ħaddiema Ewropej, tul l-aħħar għaxar snin. Dan juri li l-immigranti huma kontributuri effettivi għall-pajjiżi tagħna, fil-kontribut tagħhom f’taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali, aktar milli benefiċjarji ta’ benefiċċji.

Dan l-istess rapport jistqarr li, l-immigrazzjoni qed isaħħaħ ukoll id-demografija, partikolarment fid-dawl tal-ageing population fl-Ewropa, u fid-dawl ta’ sistemi ta’ pensjonijiet u welfare li mhumiex sostenibbli.

Għaldaqstant, is-sejħa għall-ħolqien ta’ fruntieri hija strateġija soċjalment perikoluża u ekonomikament riskjuża.

Diversi studji juru wkoll, li livelli għolja ta’ ġustizzja soċjali jwasslu għal prosperità ekonomika akbar. Dan ifisser li żieda fl-inugwaljanzi għandha impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku fit-tul, u għalhekk, jeħtieġ li din iż-żieda tiġi indirizzata b’mod olistiku, biex it-tibdil soċjali u ekonomiku iseħħ flimkien.

Il-laqgħa tal-Grupp Arraiolos hija pjattaforma li permezz tagħha se nippromovu aktar kollaborazzjoni u solidarjetà. F’dan il-kuntest, hija l-fehma tiegħi li ma’ nistgħux naħsbu biss fuq implimentazzjoni ta’ globalizzazzjoni ekonomika, mingħajr ma’ ninvestu f’sistemi ta’ solidarjetà soċjali u globali.

Għaldaqstant, nistenna bil-ħerqa r-riżultat mil-Laqgħa tal-Grupp Arraiolos, li nispera li tinfluwenza effett pożittiv fil-ħajja tal-popli kollha tagħna.

Il-President ta' Malta

Marie-Louise Coleiro Preca