Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Jiltaqa’ mar-residenti u l-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza

Charmaine  Attard   -  13/09/17 10:56 AM

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità Anthony Agius Decelis għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

Huwa ntlaqa’ mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef u ltaqa’ u tkellem mal-membri tal-amministrazzjoni, kif ukoll mar-residenti u l-carers tagħhom.

F’diskors qasir ta’ merħba, Fr Martin irrefera għat-52 sena ta’ ħidma tad-Dar, li ma setgħet qatt tkun possibbli mingħajr nies bħal Dun Mikiel li kellu viżjoni, mingħajr ħaddiema dedikati, professjonisti u sorijiet tal-karità flimkien ma’ benefatturi li emmnu f’din il-kawża u għenu biex din il-ħidma tibda u tibqa’ miexja.

Semma wkoll li tul dawn is-snin kien hemm ukoll Gvernijiet differenti li wkoll taw is-sostenn u l-appoġġ tagħhom lid-Dar u lill-ħidma tagħha. 

Agius Decelis żar il-kappella u l-mużew ta’ Dun Mikiel, kif ukoll ra b’għajnejh il-faċilitajiet u l-ħidma li ssir fil-pixxina terapewtika u fiċ-Ċentru Agrikolu.