Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​L-MEPs iridu jnaqqsu d-daqs tal-Parlament Ewropew

Josianne  Camilleri  -  13/09/17 12:15 PM

·       Wara Brexit l-MEPs jissuġġerixxu li l-Parlament Ewropew jonqos minn 751 għal 700 MEP

·       22 siġġu Brittaniku jistgħu jitqassmu bejn is-27 pajjiż tal-Unjoni

·       51 siġġu jistgħu jinżammu għal tkabbir futur tal-Unjoni jew għal listi previsti pan-Ewropej

L-MEPs tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali ddibattew li jiċkien il-Parlament wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea sabiex ikun hemm spazju għal Stati Membri ġodda u listi elettorali pan-Ewropej previsti.

Proposta ġdida dwar it-tqassim mill-ġdid tas-siġġijiet tal-Parlament, diskussa mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, tissuġġerixxi li jitnaqqsu 51 mit-73 siġġu li r-Renju Unit għandu fil-Parlament Ewropew wara l-Brexit. B’hekk l-istituzzjoni tiċkien minn 751 għal 700 rappreżentant elett. Dawn is-siġġijiet battala jinżammu f’każ li jkun hemm tkabbir futur tal-Unjoni Ewropea, u jistgħu wkoll jintużaw għal listi previsti pan-Ewropej ta’ MEPs.

Il-“frazzjoni minima” li jifdal ta’ 22 siġġu Brittaniku tista’ titqassam fost is-27 pajjiż tal-UE, b’mod li jittieħed kont xieraq tal-prinċipju ta’ “proporzjonalità digressiva”.

L-ebda pajjiż tal-UE mhu se jitlef siġġijiet

Il-proposta, imressqa minn MEP Danuta Hübner (EPP, PL) u MEP Pedro Silva Pereira (S&D, PT), tiżgura li t-tqassim il-ġdid tas-siġġijiet ma jissarrafx f’telf ta’ siġġijiet għall-ebda pajjiż tal-Unjoni. Il-metodu ta’ tqassim propost ikun japplika biss ġaladarba jkun hemm ċertezza legali u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jkun ġuridikament applikabbli.

L-MEPs innotaw li sakemm Brexit iseħħ, “is-soluzzjoni l-aktar vijabbli li tagħti ċertezza legali lill-Istati Membri hija li jkun hemm l-istess tqassim ta’ siġġijiet fil-Parlament bħal ma ġie applikat għal-leġislatura parlamentari 2014-2019”.

Riforma tal-liġi elettorali Ewropea

Filwaqt li fil-proposta hemm referenzi ċari għal kostitwenza pan-Ewropea, l-MEPs enfasizzaw li riforma ta’ suċċess tal-liġi elettorali Ewropea ta’ bħalissa hija obbligatorja biex listi għal votazzjoni transnazzjonali ssir realtà fl-Unjoni Ewropea.

Kwotazzjonijiet

“Brexit tirristrinġi ċ-ċertezza legali u politika. Minkejja din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li deċiżjoni Ewropea tiġi finalizzata sas-Sajf 2018 sabiex tipprovdi ċertezza lill-Istati Membri u għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet. Għaldaqstant, sakemm ikun hemm din iċ-ċertezza legali, ma jistax ikollna tqassim mill-ġdid tas-siġġijiet u b’hekk qegħdin nipproponu l-istatus quo. Ġaladarba Brexit issir realtà, qegħdin nipproponu li jkun hemm tqassim ta’ uħud mis-siġġijiet fost l-Istati Membri b’mod li jiġu rispettati kriterji bħal “proporzjonalità digressiva” u jkun konformi mat-Trattat ta’ Lisbona”, qalet MEP Ms. Danuta Hübner.

 “Għandna nżommu f’moħħna li t-tqassim attwali tas-siġġijiet huwa inġust”, qal MEP Pedro Silva Pereira. “Dan jirrispetta parzjalment il-prinċipju ta’ “proporzjonalità digressiva”, tat-Trattat ta’ Lisbona. Aħna nafu li din hija kwistjoni sensittiva. Dan jirrikjedi unanimità fil-Kunsill Ewropew u għal ħafna Stati Membri, hemm bilanċ li jiżgura r-rappreżentanza tagħhom fil-Parlament Ewropew u fis-sistema ta’ votazzjoni fil-Kunsill. (...) Dan it-tqassim ġdid huwa raġoneoli, jnaqqas id-daqs tal-PE u huwa politikament vijabbli”.

Fatti fil-qosor

Skont it-Trattat tal-Unjoni Ewropea, l-għadd tal-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistax jaqbeż is-750, apparti l-President. Huwa jipprevedi rappreżentanza li tkun “proporzjonata b’mod digressiv”, b’limitu minimu ta’ sitt membri għal kull Stat Membru, u l-ebda Stat Membru ma jista’ jiġi allokat aktar minn 96 siġġu.