Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Min jifred il-familji tal-emigranti ma jistax jitqies li hu favur il-ħajja

.     -  13/09/17 08:00 AM

Waqt li kien qed jitkellem mal-ġurnalisti li segwewh fil-vjaġġ li għamel fil-Kolombja, il-Papa Franġisku qal li dawk li jappoġġjaw il-firda fil-familja permezz ta’ liġijiet restrittivi tal-emigrazzjoni ma jistgħux iqisu lilhom infushom bħala “pro-life”.

Filwaqt li ammetta li ma kienx qara fid-dettal l-aħħar miżuri li ħa l-President Amerikan Donald Trump, li ħassar il-Programm magħruf bħala “Deferred Action for Childhood Arrivals”, li kien jippermetti li imigranti li jaslu fl-Istati Uniti meta għadhom minuri biex jibqgħu fil-pajjiż, il-Papa Franġisku qal li jittama li l-amministrazzjoni ta’ Trump terġa’ tikkunsidra din id-deċiżjoni li qed  twaqqaf il-futur ta’ madwar 800,000 tifel u tifla.

“Naħseb li din id-deċiżjoni ġejja mill-eżekuttiv tal-Gvern u mhux mill-Kungress. Jekk hu hekk nittama li tingħata ftit ħsieb ieħor għax jien smajt li l-President Amerikan jintroduċi lilu nnifs bħala bniedem favur il-ħajja. Min hu favur il-ħajja bis-serjetà jifhem li l-familja hi l-benniena tal-ħajja u l-għaqda tal-familja rridu niddefenduha”, qal il-Papa.

Fl-isfond tad-diżastru li l-urugan “Irma” għamel fl-Istati Uniti, l-Papa kellu kliem iebes għal dawk li ma jagħtux każ it-tibdil fil-klima u qal li min għandu dubju dwar dan għandu jkellem lil xi xjenzjat.

Dikjarazzjonijiet oħra li għamel Papa Franġisku mal-ġurnalisti fuq l-ajruplan lejn Ruma kienu:

  • Mhux aċċettabbli li l-pajjiżi żviluppati jħrasu lejn l-Afrika bħala post li għandu jkun esplojtat jew għar-riżorsi naturali tiegħu jew għar-riżorsi umani
  • Jixtieq jara lin-Nazzjonijiet Uniti tintervjeni fil-kriżi tal-Venezwela
  • Dwar is-sitwazzjoni mal-Korea ta’ Fuq ma jistax jifhem x’inhu jiġri. Minn dak li jara donnu hemm ġlieda ta’ interessi li ma jistax jifhimha;
  • Nies korrotti mhux kapaċi jitolbu maħfra u allura jagħmluha diffiċli li jkunu megħjuna. Iżda Alla jista’ jgħinhom.

Dwar l-inċident żgħir li kellu lejn l-aħħar tal-vjaġġ tiegħu fil-Kolombja Franġisku qal li dan kien inċident żgħir ħafna. “Kien mument qasir. Iġġebbidt biex nieħu b’idejn xi tfal u ma indunajtx bil-ħġieġa tal-Popemobile u għamilt “bumm” u spiċċajt bi ‘black-eye’”.