Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Aġġornata: Juncker jipproponi mod kif immigranti jgħixu fl-Ewropa b'mod legali

13/09/17 11:48 AM


Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, sostna li l-immigrazzjoni illegali hemm soluzzjoni waħda għaliha li ttemmha darba għal dejjem; dik li jinħolqu rotot alternattivi minn fejn il-persuni jkunu jistgħu jaħarbu mill-perikli f’darhom. Fost l-oħrajn ippropona li jkun hemm Blue Card għal migrazzjoni legali, jiġifieri mod kif l-immigranti irregolari jibdew jgħixu fl-Ewropa b'mod legali. 

Juncker fetaħ id-diskors annwali State of the Union 2017 fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu billi elenka l-5 prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea, li huma l-qgħad, id-demokrazija, it-trasparenza, il-klima u l-immigrazzjoni.

Il-President irringrazzja lill-Italja tas-sehem tagħha fl-immigrazzjoni, filwaqt li faħħar żgħażagħ Ewropej li meta juru solidarjetà mar-refuġjati qed ikabbru s-solidarjetà tal-UE.

President wieħed tal-UE

Juncker esprima l-idea li l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jingħaqdu u jkun hemm president wieħed tal-UE, u dan sabiex ikun hemm dik li sejħilha “qabża fid-demokrazija fl-unjoni”.

Fost il-proposti għal tmexxija aktar demokratika, ippropona li l-Kummissjoni tressaq liġi ta’ finanzjament tal-partiti politiċi fil-Parlament Ewropew.

Il-programm kummerċjali tal-Ewropa

Il-President enfasizza li l-UE għandha tibda ddaħħal daqskemm toħroġ, u l-KE għandha tħabrek aktar sabiex ikun hemm trasparenza akbar lejn iċ-ċittadini Ewropej.

Għafas l-aktar fuq is-setturi tal-enerġija u t-teknoloġija, u qal li negozji mhux fl-UE li jixtru assi jew negozji oħra Ewropej iridu jippruvaw it-trasparenza tagħhom.

“Se jiddispjaċikom”

Ma naqasx li jitkellem dwar Brexit, u spikkat it-twiddiba lill-Brittaniċi dwar id-deċiżjoni li ħadu.

Irrimarka li għalkemm il-Brexit huwa mument traġiku għall-UE, xorta mhuwiex kollox u lanqas se jġib fit-tmiem l-eżistenza tal-unjoni.

Finalment, is-“sitt xenarju” tal-futur tal-UE, skont il-KE, u li jkompli mal-5 xenarji l-oħra fid-diskors tas-sena l-oħra, irid ikun mibni fuq il-libertà, l-ugwaljanza u s-saltna tad-dritt.

"L-istat tal-UE: diskors bilanċjat u joffri tama" - PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista stqarr li d-diskors tal-President Juncker kien joffri tama f'mument diffiċli ħafna għall-Unjoni Ewropea, hekk kif ir-Renju Unit qiegħed fi triqtu 'l barra.

Il-kelliema tal-PN għall-Affarijiet Ewropej u għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Mifsud Bonniċi u David Stellini, ikkwotaw id-diskors tal-Kap tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber, l-identità tal-Ewropej kollha, inkluż l-immigranti, għandhom jirrispettaw il-valuri bażiċi tagħha.Weber żied jgħid li jekk ma jagħmlux dan, m'huma qatt se jintegraw fis-soċjetà Ewropea.

"Fl-Ewropa nħolqu diverġenzi, u rridu nseddqu l-kisbiet tagħha biex negħlbuhom"

L-Ewroparlamentari Laburista, Alfred Sant, irreaġixxa għad-diskors ta' Juncker meta qal li jekk id-diskors tas-sena l-oħra kien wieħed ta' frustrazzjoni u diżappunt, dis-sena l-President tal-Kummissjoni kellu messaġġ ottimist.

U dan għaliex feġġet mill-ġdid u b'saħħitha l-ħolma ta' aktar integrazzjoni fl-Ewropa.

"Fuq naħa, hemm il-ħsieb li l-proġett Ewropew irid ikun aktar demokratizzat u mressaq aktar lejn in-nies. Fuq n-naħa l-oħra, is-suġġerimenti dwar aktar għaqda, li trid tiġi implimentata taħt il-kappa ta’ estenzjoni tar-regoli li diġa` jeżistu u tal-Community method", sostna Sant.

Stephen Deguara huwa l-korrispondent għal Newsbook.com.mt minn Strasburgu