Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

Fejn baqgħet tal-linja?

Yendrick  Cioffi  -  14/09/17 10:25 AM

Fl-aħħar jiem, diversi qarrejja ta’ Newsbook.com.mt ilmentaw dwar dewmien fis-servizz tat-trasport pubbliku.

Apparti minn hekk, tkellem ukoll il-Kunsill Lokali tal-Imġarr li qiegħed jirċievi numru ta’ ilmenti dwar is-servizz tat-trasport pubbliku f’din il-lokalità, l-aktar fir-rotot 44 u 238.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr qal li dawn l-ilmenti jitrattaw “dewmien esaġerat, nuqqas ta’ servizz u saħansitra sigħat sħaħ fejn l-Imġarr jitħalla mingħajr trasport pubbliku.”

L-Imġarrin iddeskrivew dan bħala nuqqas ta’ serjetà mill-Malta Public Trasport li fi kliemhom mhux tagħti każ l-ilmenti li l-kunsill u anke residenti ilhom jirrappurtaw għal xhur twal.

“Mhux talli ma sar l-ebda titjieb fis-servizz, iżda dejjem qed imur għall-agħar,” qal il-Kunsill waqt li ddeskriva kif kien hemm anzjani li tilfu appuntamenti l-isptar, ħaddiema waslu tard għax-xogħol u studenti li kellhom jitwasslu mill-ġenituri għax tal-linja baqgħet ma tfaċċatx.

Dawn kienu l-istess ilmenti li rċieva Newsbook.com.mt minn diversi qarrejja residenti f’diversi lokalitajiet fosthom Ħ’Attard.

Residenti ta’ din il-lokalità ilmentaw dwar dewmien esaġerat fir-rotta numru 54. Saħansitra qalu li mhux l-ewwel darba li l-karozza tal-linja tibqa’ ma titfaċċax.

F’imejl li rċieva Newsbook.com.mt mingħand persuna li tuża ta’ spiss il-karozza tal-linja, għax temmen li aħjar għall-ambjent u biex jonqos it-traffiku, iddeskriviet is-servizz tat-trasport pubbliku bħalissa bħala “diżastru totali,” ħafna agħar mis-servizz li kienet toffri l-Arriva lura fl-2011.

“Jekk tuża l-karozza tista’ tisma’ r-radju jew issuq lejn xi mkien kwiet wara li jirnexxielek tinqala’ mit-traffiku...jekk tkun qed tistenna tal-linja li qatt ma tiġi, tispiċċa titlef il-paċenzja u tibqa’ fejn tkun mingħajr l-ebda konsolazzjoni,” saħqet qarrejja ta’ Newsbook.com.mt.

Minkejja kollox jidher li l-ilmenti mhu qed iservu għalxejn. Kulħadd qed jirċievi konferma li l-imejl lil Malta Public Transport waslet, iżda xejn aktar.

Newsbook.com.mt qed jistenna tweġibiet mingħand il-Malta Public Transport.