Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-GRTU mħassba minħabba d-delivery persons

Yendrick  Cioffi  -  14/09/17 09:08 AM

Il-Kamra Maltija għall-Intrapriżi ż-Żgħar u Medji (GRTU) tinsab imħassba għax fi kliema dawk li xogħolhom jiddependi mit-toroq, fosthom delivery persons, il-pożizzjoni tagħhom dejjem qiegħda tidditerjora.

Fi stqarrija, il-GRTU qalet li ilha diversi xhur titkellem f’isem dawn il-ħaddiema biex jintlaħaq qbil ma’ dawk kollha ikkonċernati biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom aħjar.

Qalet li dawn il-ħaddiema qed jaffaċċjaw tensjoni kbira kuljum meta jagħmlu ġurnata jitħabtu mat-traffiku, jaraw fejn se jipparkjaw biex ma jaqilgħux ċitazzjoni iżda fl-istess ħin ikunu viċin il-post fejn iridu jħottu x-xogħol.

“Dan l-istress hu eċċessiv u qed jiswa ħafna ħela ta’ ħin u flus lill-kumpaniji,” qalet il-GRTU.

Il-GRTU spjegat li saru diversi laqgħat mal-LESA (l-Aġenzija responsabbli mill-wardens) li għenu biex l-operaturi setgħu jaħdmu ġo Paceville aħjar.

Fil-fatt ġie estiz il-ħin li oriġinarjament joperaw bih u li kien qed jikkawża lil dawn l-operaturi ammont sostanzjali ta’ kontravenzjonijiet. 

“Il-multi kienu esaġerati,” saħqet il-GRTU.

Dwar l-un/loading bays il-GRTU qed tinsisti li jeħtieġ jiżdiedu u li jkun hemm iżjed infurzar għax fi kliema hemm xufiera irresponsabbli qed jipparkjaw fuqhom mingħajr l-ebda rispett lejn id-delivery persons.

Apparti laqgħat mas-Segretarju Parlamentrari Silvio Parnis u li wiegħed riforma fil-Gvern Lokali, il-GRTU u l-LESA qabblu li jorganizzaw laqgħat mal-Kunsilli Lokali wieħed wieħed biex jinstabu soluzzjonijiet għal dawn il-ħaddirma.

Giet diskussa wkoll il-possibilta ta’ network system bejn il-Gvern u l-awtoritajiet konċernati fejn jidħol xogħol ta’ kostruzzjoni u xogħol ieħor biex jigu evitati konflitti bla bżonn u jiġi organizzat aħjar l-immaniġġjar tat-traffiku.

Il-GRTU qed tappoġġja wkoll il-proposta biex jiżdiedu l-pieni dwar l-użu tal-mobiles waqt is-sewqan.