Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

Ir-responsabbilta’ għat-testi tal-Liturġija tgħaddi f’idejn l-Isqfijiet Djoċesani

.     -  14/09/17 08:00 AM

Mill-1 ta’ Ottubru li ġej, ir-responsabbilta’ għat-testi liturġiċi se taqa’ fuq il-Konferenzi Episkopali tal-Isqfijiet madwar id-dinja kollha. Sal-lum, skont il-Liġi Kanonika “id-direzzjoni tal-liturġija sagra tiddependi biss fuq l-Awtorita’ tal-Knisja li hi fis-Santa Sede”.

Il-Papa Franġisku, fit-3 ta’ dan ix-xahar ħareġ Ittra Appostoliku bl-awtorita’ li tagħtih il-kariiga tiegħu li fiha ordna tibdil f’Artiklu 838 tal-Liġi Kanonika. Fejn qabel kienet is-Santa Sede li toħroġ it-testi tal-liturġija għad-dinja kollha u tirrevedi t-traduzzjoni tagħhom fil-lingwi rispettivi, issa t-testi liturġiċi se jkunu approvati mill-Konferenzi Episkopali rispettivi u l-Vatikan se jkollu biss il-poter li jirrevedi dawn it-testi.

L-Ordni tal-Papa issejjaħ lill-Konferenzi Episkopali biex jippreparaw bir-reqqa testi liturġiċi fil-lingwa lokali li jkunu pubblikati wara li jkunu konfermati mis-Santa Sede.

Fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, issa hu l-Isqof Djoċesan li għandu jagħmel regolamenti liturġiċi li jkunu jorbtu lil kulħadd fid-djoċesi tiegħu.

Il-Papa ordna wkoll li l-Kongregazzjoni għall-Qima Divina  u d-Dixxiplina tas-Sagramenti tirrevedi r-regolamenti tagħha fuq il-bażi tar-regoli l-ġodda u tgħin lill-Konferenzi Epsikopali biex jaqdu dmirhom u taħdem biex tippromwovi aktar il-ħajja liturġika tal-Knisja.

Papa Franġisku spjega li dan it-tibdil għamlu biex ikun assigurat li l-kollaborazzjoni bejn is-Santa Sede u l-Konferenzi Episkopali għas-servizz tal-fidili tkun eħfef u tagħti aktar frott.  Hu wasal għal din id-deċiżjoni anke wara li ħa l-pariri tal-Kummissjoni tal-Isqfijiet u Esperti li kien waqqaf hu stess għal dan l-iskop.