Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Kaċċa: Fl-2015 il-PM għalaq l-istaġun; illum iwaħħal fl-Ornis

Christoph  Schwaiger  -  14/09/17 12:08 PM

Għall-kuntrarju ta’ dak li għamel fl-2015, jidher li l-Prim Ministru Joseph Muscat mhux se jissospendi l-istaġun tal-kaċċa, minkejja li mill-1 ta’ Settembru, diġà ġie rrappurtat li sitt għasafar protetti sfaw vittmi tal-kaċċaturi.

F’April 2015, kien il-Prim Ministru nnifsu li għalaq l-istaġun wara rapporti li ntlaqtu wkoll sitt tajr protett.

Madanakollu f’dawn il-jiem, kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal ma’ Newsbook.com.mt li “llum il-ġurnata hemm il-Kumitat Ornis li jieħu deċiżjonijiet hekk”. 

Dan jikkuntrasta għal dak li ġara fl-2015, meta l-Kumitat Ornis kien ilu jeżisti għal 12-il sena, u kien il-Prim Ministru li għalaq l-istaġun.

Ambjentalisti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt saħqu li din is-sena, mhux talli ma sarx hekk, iżda li l-Gvern ma ħareġ l-ebda stqarrija biex jikkundanna dan l-aġir.

Il-ġimgħa li għaddiet, instab Russett Griż mejjet fil-Kulleġġ De La Salle wara li intlaqat minn xi tiri. F’każ simili, lura f’ April tal-2015 il-Prim Ministru kien issospenda l-istaġun wara li tajra protetta waqgħet fil-kulleġġ ta’ San Edwardu, wara li sparalha kaċċatur.

Fil-jiem li għaddew, Birdlife appellat biex jitwaqqaf "il-massakru", appell li ġab ir-reazzjoni tal-Kaċċaturi San Ubertu u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, li jemmnu li sejħa għas-sospenzjoni tal-istaġun mhix loġika.

Il-BirdLife Malta spjegat ma' Newsbook.com.mt  li hi qatt ma talbet biex jingħalaq l-istaġun.

Il-Kumitat Ornis jew il-Prim Ministru?

Skont il-liġi, il-Kumitat Ornis jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Ministru għall-Ambjent dwar reviżjoni tal-parametri tal-istaġuni tal-kaċċa. Madanakollu, il-Ministru jista’ jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa meta jrid, abbażi ta’ pariri xjentifiċi jew ta’ xi raġuni oħra li hu jqisha bħala gravi biżżejjed.

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-kumitat il-ġdid kellu biss laqgħa preliminarja li fiha ġew ippreżentati l-membri ġodda lill-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera.

Il-mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lil Kumitat Ornis għadhom ma ġewx imwieġba.

Riċerka li għamel Newsbook.com.mt turi li fil-passat kien hemm każi oħra fejn il-Gvern ħa azzjoni:

2007: L-eksMinistru għall-Ambjent Ġorġ Pullicino jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa wara rapporti ta’ tiri fuq għasafar protetti

2014: Il-Prim Ministru jissospendi l-istaġun tal-kaċċa wara numru ta’ illegalitajiet

Se jonqsu l-multi għall-kaċċaturi?

Biex ikompli jitfa’ l-melħ fuq il-ferita tal-ambjentalisti, skont rapport fit-Times of Malta, il-Gvern, permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri, assigura lill-kaċċaturi li se jonqsu l-multi kontra l-kaċċa illegali. Madanakollu, f’intervisti oħra mal-midja, Camilleri kien saħaq li l-Gvern irid ikompli jżomm sod u jimplimenta infurzar iebes kontra l-illegalitajiet. Żied jgħid li dawk li qed jiksru l-liġi għandhom jiġu trattati b’mod aħrax.

Camilleri huwa kaċċatur u membru wkoll tal-għaqda Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).

Marbut ma’ dan, il-Wild Birds Regulation Unit qalet fl-2015 li t-“tollerenza żero” tal-illegalitajiet kontra l-għasafar, hu l-pedament tal-approċċ tal-awtoritajiet Maltin fil-konfront ta’ ksur tal-liġi. L-istess Taqsima sostniet li ż-żieda fil-multi li kienet saret bejn l-2013 u l-2015 serviet bħala deterrent. Żiedet tgħid li l-għan aħħari tal-awtoritajiet huwa li jieqaf għal kollox il-qtil u l-insib illegali tal-għasafar slavaġ. 

Ftit tal-jiem ilu, l-BirdLife Malta kienet qalet li tispera li l-Gvern mhux qed jikkonsidra li jnaqqas il-multi marbutin mal-kaċċa illegali.

Ritratti: BirdLife Malta